6.7.2015
MT
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea
C 221/26
Rikors ippreżentat fil-15 ta’ Mejju 2015 – Pari Pharma vs EMA
(Kawża T-235/15)
(2015/C 221/35)
Lingwa tal-kawża: l-Ingliż
Partijiet
Rikorrenti: Pari Pharma GmbH (Starnberg, il-Ġermanja) (rappreżentanti: M. Epping u W. Rehmann, avukati)
Konvenuta: L-Aġenzija Ewropea għall-Mediċini
Talbiet
—
tannulla d-Deċiżjoni ASK-11351 (Vantobra) mogħtija mill-Aġenzija Ewropea għall-Mediċini fl-24 ta’ April 2015 sa fejn din id-deċiżjoni tagħti lil terz l-aċċess għar-rapport ta’ evalwazzjoni mis-CHMP tax-xebh tal-VANTOBRA mal-Cayston u mat-TOBI Podhaler (EMA/CHMP/702525/2014) u għar-rapport ta’ evalwazzjoni mis-CHMP tas-superjorità klinika tat-TOBI Podhaler (EMA/CHMP/778270/2014) skont ir-Regolament (KE) Nru 1049/2001 (1);
—
tordna lill-EMA sabiex ma tiżvelax id-dokumenti ċċitati fil-punt preċedenti;
—
sussidjarjament, tannulla d-Deċiżjoni ASK-11351 (Vantobra) mogħtija mill-Aġenzija Ewropea għall-Mediċini fl-24 ta’ April 2015, sa fejn din id-deċiżjoni tagħti lil terz l-aċċess (i) għar-rapport ta’ evalwazzjoni mis-CHMP tas-superjorità klinika tat-TOBI Podhaler (EMA/CHMP/778270/2014) mingħajr tħassir supplimentari fil-paġni 9 (Tolleranza respiratorja superjuri tal-Vantobra meta mqabbel mat-Tobi Podhaler), 11, 12 u 14 (Estrapolazzjoni tat-tolleranza għall-Vantobra mit-TOBI), 17 sa 19 (Osservazzjonijiet tar-rikorrenti dwar l-ewwel mistoqsija u evalwazzjoni tar-riposta) u 19 sa 23 (Osservazzjonijiet tar-rikorrenti dwar it-tieni mistoqsija, Evalwazzjoni tar-riposta, 3. Konklużjoni u Rakkomandazzjoni), kif stabbilit fl-Anness A 1, u (ii) għar-rapport ta’ evalwazzjoni mis-CHMP tax-xebh tal-VANTOBRA mal-Cayston u mat-TOBI Podhaler (EMA/CHMP/702525/2014) mingħajr tħassir supplimentari fil-paġni 9 sa 10, Taqsima 2.3 (Indikazzjonijiet terapewtiċi, 1) Data minn stħarriġ fil-qasam), u fil-paġni 11 u 12, Taqsima 2.3 (Indikazzjonijiet terapewtiċi, 2) Intervista mat-tobba fiċ-ċentri CF), kif stabbilit fl-Anness A 2, u tordna lill-EMA sabiex ma tiżvelax id-dokumenti ċċitati iktar ’il fuq mingħajr it-tħassir li jirriżulta mill-Annessi A 1 u A 2, u
—
tikkundanna lill-EMA għall-ispejjeż.
Motivi u argumenti prinċipali
Insostenn tar-rikors tagħha, ir-rikorrenti tinvoka motiv wieħed.
Ir-rikorrenti ssostni li d-deċiżjoni tal-EMA tikser ir-Regolament (KE) Nru 1049/2001 u għalhekk tippreġudika d-drittijiet u l-libertajiet fundamentali tagħha fir-rigward tal-protezzjoni tal-ħajja privata u ta’ informazzjoni kunfidenzjali taħt l-Artikolu 7 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (iktar ’il quddiem il-“Karta”), taħt l-Artikolu 8 tal-Konvenzjoni Ewropea għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Libertajiet Fundamentali tal-4 ta’ Novembru 1950 u taħt l-Artikolu 339 TFUE, il-libertà tagħha ta’ intrapriża taħt l-Artikolu 16 tal-Karta u d-dritt tagħha għall-proprjetà intellettwali taħt l-Artikolu 17(2) tal-Karta. Ir-rikorrenti ssostni li (i) l-iżvelar tad-dokumenti jippermetti lil kull kompetitur juża sempliċement id-data u l-informazzjoni mogħtija mir-rikorrenti sabiex jikseb awtorizzazzjoni ta’ tqegħid fis-suq għal prodott tiegħu ta’ tobramiċina mingħajr investiment addizzjonali, b’mod li jiġu ppreġudikati l-interessi kummerċjali tar-rikorrenti, u (ii) ma teżisti l-ebda raġuni imperattiva ta’ interess ġenerali għall-iżvelar ta’ dawn id-dokumenti.
(1) Regolament (KE) Nru 1049/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-30 ta’ Mejju 2001, dwar l-aċċess pubbliku għad-dokumenti tal-Parlament Ewropew, tal-Kunsill u tal-Kummissjoni (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 1, Vol. 3, p. 331).
Full & Egal Universal Law Academy