20.7.2015
MT
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea
C 236/46
Rikors ippreżentat fil-15 ta’ Mejju 2015 – Ivanyushchenko vs Il-Kunsill
(Kawża T-246/15)
(2015/C 236/62)
Lingwa tal-kawża: l-Ingliż
Partijiet
Rikorrent: Yuriy Volodymyrovych Ivanyushchenko (Yenakievo, l-Ukrajna) (rappreżentanti: B. Kennelly u J. Pobjoy, Barristers, u R. Gherson, Solicitor)
Konvenut: Il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea
Talbiet
—
tannulla d-Deċiżjoni tal-Kunsill (PESK) 2015/364, tal-5 ta’ Marzu 2015, li temenda d-Deċiżjoni 2014/119/PESK dwar miżuri restrittivi diretti kontra ċerti persuni, entitajiet u korpi fid-dawl tas-sitwazzjoni fl-Ukrajna (ĠU L 62, p. 25) u r-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) 2015/357, tal-5 ta’ Marzu 2015, li jimplimenta r-Regolament (UE) Nru 208/2014 dwar miżuri restrittivi diretti kontra ċerti persuni, entitajiet u korpi fid-dawl tas-sitwazzjoni fl-Ukrajna (ĠU L 62, p. 1) sa fejn japplikaw għar-rikorrenti;
—
sussidjarjament, tiddikjara li l-Artikolu 1(1) tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2014/119/PESK, tal-5 ta’ Marzu 2014 (kif emendata) u l-Artikolu 3(1) tar-Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 208/2014, tal-5 ta’ Marzu 2014 (kif emendat), huma inapplikabbli sa fejn japplikaw għar-rikorrent minħabba l-illegalità tagħhom.
—
tikkundanna lill-Kunsill għall-ispejjeż.
Motivi u argumenti prinċipali
Insostenn tar-rikors tiegħu, ir-rikorrent jinvoka sitt motivi.
1.
L-ewwel motiv ibbażat fuq il-fatt li l-Kunsill ma identifikax bażi legali xierqa għad-deċiżjoni tal-Kunsill (PESK) 2015/364 (iktar ’il quddiem id-“Deċiżjoni”) u r-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) 2015/357 (iktar ’il quddiem ir-“Regolament”) (flimkien l-“atti kkontestati”). L-Artikolu 29 TUE ma huwiex bażi legali xierqa għad-deċiżjoni peress li l-ilmenti kontra r-rikorrenti ma identifikawhx bħala persuna li attakkat id-demokrazija fl-Ukrajna jew li ċaħħdet lill-poplu Ukren mill-vantaġġi tal-iżvilupp sostenibbli tal-pajjiż tagħhom (fis-sens tal-Artikolu 23 TUE u tad-dispożizzjonjiet ġenerali tal-Artikolu 215(2) TFUE sabiex jiġi adottat ir-regolament.
2.
It-tieni motiv ibbażat fuq il-fatt li l-Kunsill wettaq żbalji manifesti ta’ evalwazzjoni billi kkunsidra li l-kriterju li jippermetti li r-rikorrent jiġi inkluż fil-lista stabbilita fl-Artikolu 1(1) tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2014/119/PESK, tal-5 ta’ Marzu 2014 (kif emendata) u fl-Artikolu 3(1) tar-Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 208/2014, tal-5 ta’ Marzu 2014 (kif emendat) kien sodisfatt. Ir-rikorrent ma ġiex suġġett għal proċeduri kriminali għal “misapproprijazzjoni ta’ fondi [jew beni pubbliċi]”.
3.
It-tielet motiv ibbażat fuq il-fatt li l-Kunsill kiser id-drittijiet tad-difiża tar-rikorrent u d-dritt għal amministrazzjoni tajba u għal rikors ġudizzjarju effettiv. B’mod partikolari, il-Kunsill ma eżaminax b’attenzjoni u imparzjalità jekk il-motivi allegati li suppost jiġġustifikaw inklużjoni mill-ġdid kienux fondati fid-dawl tal-osservazzjonijiet magħmula mir-rikorrent qabel l-inklużjoni mill-ġdid tiegħu.
4.
It-tielet motiv ibbażat fuq il-fatt li l-Kunsill ma kkonformax ruħu mal-obbligu tiegħu li jipprovi motivi xierqa li jiġġustifikaw l-inklużjoni mill-ġdid tar-rikorrenti.
5.
Il-ħames motiv ibbażat fuq il-fatt li l-Kunsill kiser, mingħajr ġustifikazzjoni u b’mod sproporzjonat, id-drittijiet fundamentali tar-rikorrent, inkluż id-dritt tiegħu għall-protezzjoni tal-proprjetà u tar-reputazzjoni tiegħu. L-impatt tal-atti kkontestati fuq ir-rikorrent għandhom portata wiesa’ ħafna, kemm f’dak li jikkonċerna l-proprjetà kif ukoll ir-reputazzjoni tiegħu fil-livell mondjali. Il-Kunsill ma weriex li l-iffriżar tal-assi u tar-riżorsi ekonomiċi tar-rikorrent huwa marbut ma xi għan leġittimu, jew iġġustifikat minn tali għan, u inqas u inqas li huwa proporzjonat għalih.
6.
Is-sitt motiv ibbażat fuq is-sostenn tad-dikjarazzjoni ta’ illegalità, ibbażat fuq il-fatt li kieku, kuntrarjament għall-argumenti mressqa fil-kuntest tat-tieni motiv, l-Artikolu 1(1) tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2014/119/PESK, tal-5 ta’ Marzu 2014 (kif emendata) u l-Artikolu 3(1) tar-Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 208/2014, tal-5 ta’ Marzu 2014 (kif emendat), kellhom jiġu interpretati b’mod li jinkludi investigazzjoni ta’ awtorità Ukrajna indipendentement mill-kwistjoni dwar jekk teżistix deċiżjoni jew proċedura ġuddizzjarja li ssostniha, tikkontrollaha jew tissorveljaha, il-kriterju ta’ inklużjoni jkun, minħabba l-portata u l-kamp ta’ applikazzjoni arbitrajri li jirriżultaw minn interpretazzjoni tant wiesa’, nieqes minn bażi legali xierqa; u/jew ikun sproporzjonat mal-għanijiet tad-Deċiżjoni u tar-Regolament. Għaldaqstant, id-dispożizzjoni tkun illegali.
Full & Egal Universal Law Academy