24.8.2015
MT
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea
C 279/36
Rikors ippreżentat fit-28 ta’ Mejju 2015 – Novartis Europharm vs Il-Kummissjoni
(Kawża T-269/15)
(2015/C 279/45)
Lingwa tal-kawża: l-Ingliż
Partijiet
Rikorrenti: Novartis Europharm Ltd (Camberley, ir-Renju Unit) (rappreżentant: C. Schoonderbeek, avukat)
Konvenuta: Il-Kummissjoni Ewropea
Talbiet
—
tannulla d-deċiżjoni kkontestata, u
—
tikkundanna lill-Kummissjoni Ewropea għall-ispejjeż tagħha u għal dawk ta’ Novartis.
Motivi u argumenti prinċipali
Permezz ta’ din il-kawża, ir-rikorrenti titlob l-annullament tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni C(2015) 1977 finali, tat-18 ta’ Marzu 2015, li tagħti lil Pari Pharma awtorizzazzjoni għall-kummerċjalizzazzjoni tal-prodott mediċinali għall-użu mill-bniedem “Vantobra – tobramycine”.
Insostenn tar-rikors tagħha, ir-rikorrenti tinvoka żewġ motivi.
1.
L-ewwel motiv, ibbażat fuq l-allegazzjoni li d-deċiżjoni tal-Kummissjoni Ewropea hija illegali minħabba li tikkostitwixxi ksur tad-drittijiet ta’ esklużività tas-suq orfni ta’ Novartis Europharm Ltd għall-prodott tiegħu TOBI Podhaler skont l-Artikolu 8(1) tar-Regolament (KE) Nru 141/2000 (1) minħabba li l-perijodu ta’ esklużività tas-suq orfni għadu ma skadiex filwaqt li l-kundizzjonijiet għall-għoti ta’ deroga ta’ esklużività tas-suq skont l-Artikolu 8(3) tal-istess regolament ma humiex issodisfatti.
2.
It-tieni motiv, ibbażat fuq l-allegazzjoni li d-deċiżjoni tal-Kummissjoni Ewropea hija wkoll illegali minħabba li ma fihiex espożizzjoni tal-motivi kif meħtieġ mill-Artikolu 96 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea u mill-Artikolu 81(1) tar-Regolament (KE) Nru 726/2004 (2).
(1) Regolament (KE) Nru 141/2000 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tas-16 ta’ Diċembru 1999, dwar il-prodotti mediċinali orfni (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 15, Vol. 5, p. 21).
(2) Regolament (KE) Nru 726/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal-31 ta’ Marzu 2004, li jistabbilixxi proċeduri Komunitarji għall-awtorizzazzjoni u s-sorveljanza ta’ prodotti mediċinali għall-użu mill-bniedem u veterinarju u li jistabbilixxi l-Aġenzija Ewropea għall-Mediċini (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 13, Vol. 34, p. 229).
Full & Egal Universal Law Academy