24.8.2015
MT
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea
C 279/37
Rikors ippreżentat fis-26 ta’ Mejju 2015 – ANKO AE vs L-Aġenzija Eżekuttiva għar-Riċerka (REA)
(Kawża T-270/15)
(2015/C 279/46)
Lingwa tal-kawża: il-Grieg
Partijiet
Rikorrenti: ANKO Anonymos Etairia Antiprosopeion, Emporiou kai Viomichanias (Ateni, il-Greċja) (rappreżentant: Vasileios Christianos, avukat)
Konvenuta: L-Aġenzija Eżekuttiva għar-Riċerka (REA)
Talbiet
—
tikkonstata li s-sospensjoni tal-ħlas imposta mill-Aġenzija Eżekuttiva għar-Riċerka (REA), f’dak li jirrigwarda l-ammont li għadu dovut lir-rikorrenti għall-parteċipazzjoni tagħha fil-proġett ESS, tikkostitwixxi ksur tal-obbligi kuntrattwali tagħha u li, konsegwentement, ir-REA għandha tħallas lil ANKO l-bilanċ tal-kontribuzzjoni tagħha, fl-ammont ta’ EUR 1 25 253,82, flimkien mal-interessi legali u
—
tikkundanna lir-REA għall-ispejjeż tar-rikorrenti.
Motivi u argumenti prinċipali
Permezz tar-rikors tagħha, ir-rikorrenti titlob lill-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea, skont l-Artikolu 272 TFUE, tikkonstata li s-sospensjoni tal-ħlas imposta mill-Aġenzija Eżekuttiva għar-Riċerka, f’dak li jirrigwarda l-ammont li għadu dovut lir-rikorrenti għall-parteċipazzjoni tagħha fil-proġett ESS fil-kuntest tal-programm FP7, tikkostitwixxi ksur tal-obbligi kuntrattwali tagħha u li, konsegwentement, ir-REA għandha tħallas din is-somma lil ANKO, flimkien mal-interessi mid-data tal-preżentata ta’ dan ir-rikors.
B’mod iktar partikolari, ANKO ssostni li hija wettqet kompletament u debitament l-obbligi kuntrattwali tagħha. Għall-kuntrarju, l-Aġenzija Eżekuttiva għar-Riċerka (REA) issospendiet il-ħlasijiet tagħha fir-rigward ta’ ANKO, bi ksur tal-klawżola II.5(3)(d) tal-Anness II tal-kuntratt prinċipali dwar il-proġett ESS. Għal din ir-raġuni, l-Aġenzija Eżekuttiva għar-Riċerka (REA) għadha debitriċi fil-konfront tar-rikorrenti, fir-rigward tal-proġett ESS, għas-somma li l-ħlas tagħha hija ssospendiet illegalment, jiġifieri EUR 1 25 253,82.
Iktar speċifikament, ANKO ssostni li s-sospensjoni tal-ħlasijiet mill-Aġenzija Eżekuttiva għar-Riċerka (REA) fil-konfront ta’ ANKO f’dak li jirrigwarda l-proġett ESS tmur kontra l-kuntratt dwar dan il-proġett u kontra d-dritt tal-Unjoni għar-raġunijiet li ġejjin:
—
L-ewwel nett, l-Aġenzija Eżekuttiva għar-Riċerka (REA) imponiet illegalment is-sospensjoni tal-ħlasijiet dovuti lil ANLO għaliex din ma taqa’ taħt ebda wieħed mill-ħames każijiet previsti mill-klawżola II.5(3)(d) tal-Anness II tal-kuntratt prinċipali;
—
It-tieni nett, l-Aġenzija Eżekuttiva għar-Riċerka (REA) issuġġettat illegalment it-tneħħija tas-suspensjoni għal kundizzjoni li bl-ebda mod ma hija prevista mid-dokumenti kuntrattwali u li tmur kontra d-dritt tal-Unjoni.
Full & Egal Universal Law Academy