21.12.2015
MT
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea
C 429/27
Rikors ippreżentat fid-29 ta’ Mejju 2015 – Ezz et vs Il-Kunsill
(Kawża T-288/15)
(2015/C 429/35)
Lingwa tal-kawża: l-Ingliż
Partijiet
Rikorrenti: Ahmed Abdelaziz Ezz (Giza, l-Eġittu), Abla Mohammed Fawzi Ali Ahmed Salama (il-Kajr, l-Eġittu), Khadiga Ahmed Ahmed Kamel Yassin (Giza, l-Eġittu), Shahinaz Abdel Azizabdel Wahab Al Naggar (Giza, l-Eġittu) (rappreżentanti: J. Lewis, QC, B. Kennelly u J. Pobjoy, Barristers, J. Binns, Solicitor, J. Bellis u S. Rowe, avukati)
Konvenut: Il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea
Talbiet
—
tannulla d-Deċiżjoni tal-Kunsill (PESK) 2015/486, tal-20 ta’ Marzu 2015, li temenda d-Deċiżjoni 2011/172/PESK dwar miżuri restrittivi diretti kontra ċerti persuni, entitajiet u korpi fid-dawl tas-sitwazzjoni fl-Eġittu (ĠU 2015 L 77, p. 16), sa fejn tapplika għar-rikorrenti; u
—
tikkundanna lill-konvenut għall-ispejjeż.
Motivi u argumenti prinċipali
Insostenn tar-rikors tagħhom, ir-rikorrenti jinvokaw ħames motivi.
1.
L-ewwel motiv, ibbażat fuq l-allegazzjoni li l-Kunsill naqas milli jidentifika bażi legali xierqa għad-deċiżjoni kkontestata. Ir-rikorrenti jsostnu li l-Artikolu 29 TUE ma huwiex bażi legali xierqa għad-deċiżjoni kkontestata.
2.
It-tieni motiv, ibbażat fuq l-allegazzjoni li l-Kunsill kiser id-drittijiet tar-rikorrenti skont l-Artikolu 6 TUE, moqri flimkien mal-Artikoli 2 u 3 TUE, u skont l-Artikolu 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali, billi assuma li l-proċeduri ġudizzjarji fl-Eġittu kienu jirrispettaw id-drittijiet fundamentali tal-bniedem.
3.
It-tielet motiv, ibbażat fuq l-allegazzjoni li l-Kunsill naqas milli jissodisfa l-kriterju għall-inklużjoni tar-rikorrenti stabbilit mill-Artikolu 1 tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2011/172/PESK, tal-21 ta’ Marzu 2011, dwar miżuri restrittivi diretti kontra ċerti persuni, entitajiet u korpi fid-dawl tas-sitwazzjoni fl-Eġittu (ĠU 2011 L 76, 22.3.2011, p. 63) (kif emendata) u mill-Artikolu 2 tar-Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 270/2011, tal-21 ta’ Marzu 2011, dwar miżuri restrittivi diretti kontra ċerti persuni, entitajiet u korpi fid-dawl tas-sitwazzjoni fl-Eġittu (ĠU 2011 L 76, p. 4) (kif emendat). Ir-rikorrenti jsostnu li huma ma ġewx “identifikati bħala responsabbli” għal misapproprjazzjoni ta’ fondi tal-Istat Eġizzjan jew għal ksur tad-drittijiet tal-bniedem fl-Eġittu, jew bħala persuni assoċjati ma’ persuni identifikati bħala tali.
4.
Ir-raba’ motiv, ibbażat fuq l-allegazzjoni li l-Kunsill kiser id-drittijiet tad-difiża tar-rikorrenti, id-dritt għal amministrazzjoni tajba u d-dritt għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva. B’mod partikolari, ir-rikorrenti jsostnu li l-Kunsill naqas milli jeżamina bir-reqqa u b’mod imparzjali jekk ir-raġunijiet allegati, adottati sabiex jiġġustifikaw l-indikazzjoni l-ġdida tagħhom, kinux fondati fid-dawl tad-dikjarazzjonijiet magħmula mir-rikorrenti qabel l-indikazzjoni l-ġdida tagħhom.
5.
Il-ħames motiv, ibbażat fuq l-allegazzjoni li l-Kunsill kiser, b’mod inġustifikat u sproporzjonat, id-drittijiet fundamentali tar-rikorrenti, inklużi d-drittijiet tagħhom għall-protezzjoni tal-proprjetà u tar-reputazzjoni tagħhom. Ir-rikorrenti jsostnu li l-Kunsill naqas milli juri li l-iffriżar tal-assi u tar-riżorsi ekonomiċi tar-rikorrenti jfittex li jilħaq għan leġittimu jew huwa ġġustifikat minnu, u inqas u inqas li huwa proporzjonat għal tali għan.
Full & Egal Universal Law Academy