27.7.2015
MT
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea
C 245/43
Rikors ippreżentat fit-2 ta’ Ġunju 2015 – Hamas vs Il-Kunsill
(Kawża T-289/15)
(2015/C 245/52)
Lingwa tal-kawża: il-Franċiż
Partijiet
Rikorrenti: Hamas (Doha, il-Qatar) (rappreżentant: L. Glock, avukat)
Konvenut: Il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea
Talbiet
—
tannulla d-Deċiżjoni tal-Kunsill (PESK) 2015/521, tas-26 ta’ Marzu 2015, li taġġorna u temenda l-lista ta’ persuni, gruppi u entitajiet soġġetti għall-Artikoli 2, 3 u 4 tal-Pożizzjoni Komuni 2001/931/PESK dwar l-applikazzjoni ta’ miżuri speċifiċi fil-ġlieda kontra t-terroriżmu, u li tħassar id-Deċiżjoni 2014/483/PESK, sa fejn din tikkonċerna lill-Hamas (inkluż il-Hamas-Izz-al-Din-al-Quassem);
—
tannulla r-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) 2015/513, tas-26 ta’ Marzu 2015, li jimplimenta l-Artikolu 2(3) tar-Regolament (KE) Nru 2580/2001 dwar miżuri restrittivi speċifiċi diretti kontra ċerti persuni u entitajiet bil-għan li jiġi miġġieled it-terroriżmu u li jħassar ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) Nru 790/2014, sa fejn dan jikkonċerna lill-Hamas (inkluż il-Hamas-Izz-al-Din-al-Quassem);
—
tikkundanna lill-Kunsill għall-ispejjeż kollha.
Motivi u argumenti prinċipali
Insostenn tar-rikors tagħha, ir-rikorrenti tinvoka seba’ motivi.
1.
L-ewwel motiv ibbażat fuq ksur tal-Artikolu 1(4) tal-Pożizzjoni Komuni 2001/931 (1), sa fejn id-deċiżjonijiet nazzjonali invokati mill-Kunsill ma jilħqux il-kundizzjonijiet meħtieġa minn dan l-artikolu sabiex jiġu kkunsidrati bħala deċiżjonijiet meħuda minn awtorità kompetenti.
2.
It-tieni motiv ibbażat fuq żball fuq il-materjalità tal-fatti, minħabba li l-parti l-kbira tal-fatti msemmija mill-Kunsill ma huma sostnuti minn l-ebda prova.
3.
It-tielet motiv ibbażat fuq żball ta’ evalwazzjoni dwar in-natura terroristika tal-organizzazzjoni Hamas.
4.
Ir-raba’ motiv ibbażat fuq ksur tal-prinċipju ta’ nuqqas ta’ indħil li jopponi li l-Hamas, li tikkostitwixxi moviment politiku legali li rebaħ l-elezzjonijiet organizzati fil-Palestina u li jiffurmaw il-qalba tal-Gvern Palestinjan, tista’ titqies bħala entità terroristika.
5.
Il-ħames motiv ibbażat fuq ksur tal-obbligu ta’ motivazzjoni mill-Kunsill.
6.
Is-sitt motiv ibbażat fuq ksur tad-drittijiet tad-difiża tar-rikorrenti kif ukoll tad-dritt tagħha għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva matul il-fażi nazzjonali.
7.
Is-seba’ motiv ibbażat fuq ksur tad-dritt għall-proprjetà, sa fejn l-iffriżar tal-fondi tar-rikorrenti jippreġudika b’mod inġust id-dritt għall-proprjetà tagħha.
(1) Pożizzjoni komuni tal-Kunsill, tas-27 ta’ Diċembru 2001, dwar l-applikazzjoni ta’ miżuri speċifiki fil-ġlieda kontra t-terroriżmu (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 18, Vol. 1, p. 217).
Full & Egal Universal Law Academy