24.8.2015
MT
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea
C 279/39
Rikors ippreżentat fid-9 ta’ Ġunju 2015 – KV vs EACEA
(Kawża T-306/15)
(2015/C 279/49)
Lingwa tal-kawża: l-Ingliż
Partijiet
Rikorrenti: KV (Ateni, il-Greċja) (rappreżentant: S. Pappas, avukat)
Konvenuta: L-Aġenzija Eżekuttiva għall-Edukazzjoni, l-Awdjoviżiv u l-Kultura
Talbiet
—
tannulla d-deċiżjoni EACEA/MH/mvh/OKRAPF15D006233 tal-Aġenzija Eżekuttiva għall-Edukazzjoni, l-Awdjoviżiv u l-Kultura (EACEA) tal-10 ta’ April 2014, relatata mal-finanzjament tal-ftehim 518072-LLP-1-2011-1-DE-COMENIUS-CNW/2011-3848 sa fejn tikkonċerna l-proġett NEST – “Network for Staff and Teachers in Childcare Services”;
—
tikkundanna lill-konvenuta għall-ispejjeż tagħha kif ukoll dawk sostnuti mir-rikorrenti f’din il-proċedura.
Motivi u argumenti prinċipali
Insostenn tar-rikors tagħha, ir-rikorrenti tinvoka żewġ motivi.
1.
L-ewwel motiv ibbażat fuq żball manifest ta’ evalwazzjoni.
—
Id-deċiżjoni kkontestata hija vvizzjata minn żball manifest ta’ evalwazzjoni fid-distinzjoni bejn is-servizzi “abitwali” u “addizzjonali” pprovduti mill-imsieħba/azzjonisti tar-rikorrenti matul il-proġett inkwistjoni, peress li l-EACEA manifestament marret kontra n-natura tas-servizzi pprovduti mill-imsieħba, ir-rieda ċara tat-talba tal-assemblea ġenerali tar-rikorrenti li jkunu trattati u regolati tali servizzi peress li hija tqishom bħala kategorija distinta li ma taqgħax taħt id-dispożizzjonijiet tal-istatuti, u l-fatt li s-servizzi pprovduti mill-imsieħba fil-proġett ikkonċernat kienu jissodisfaw ir-rekwiżiti kollha espressi fid-deċiżjoni msemmija iktar 'il fuq tal-assemblea ġenerali.
2.
It-tieni motiv ibbażat fuq it-tieni żball manifest ta’ evalwazzjoni.
—
Id-deċiżjoni kkontestata hija vvizzjata minn żball manifest ta’ evalwazzjoni sa fejn tikkonċerna r-raġunament tad-deċiżjoni dwar ir-rabta ta’ subordinazzjoni bejn l-imsieħba/azzjonisti u r-rikorrenti, li l-eżistenza tagħha kienet ġiet stabbilita b’mod ċar fil-provi prodotti quddiem l-EACEA.
Full & Egal Universal Law Academy