10.8.2015
MT
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea
C 262/36
Rikors ippreżentat fit-22 ta’ Ġunju 2015 – GSA u SGI Security vs Il-Parlament
(Kawża T-321/15)
(2015/C 262/49)
Lingwa tal-kawża: il-Franċiż
Partijiet
Rikorrenti: Gruppo Servizi Associati SpA (GSA) (Ruma, l-Italja); u Security Guardian’s Institute (SGI Security) (Bierges, il-Belġju) (rappreżentant: E. van Nuffel d’Heynsbroeck, avukat)
Konvenuta: Il-Parlament Ewropew
Talbiet
Ir-rikorrenti jitolbu li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:
—
tannulla d-deċiżjoni tal-Parlament, innotifikata fit-12 ta’ Ġunju 2015, li tiddikjara mhux konformi l-offerta li Gruppo Servizi Associati s.p.a. u Security Guardian’s Institute s.a. ssottomettew għall-għoti tal-kuntratt EP/DGSAFE/UIB/SER/2014-014 dwar is-servizzi ta’ sigurtà kontra n-nirien, ta’ assisstenza lill-persuni u ta’ sorveljanza esterna fuq is-sit tal-Parlament Ewropew fi Brussell u d-deċiżjoni tiegħu li dan il-kuntratt jingħata lil offerent ieħor;
—
tikkundanna lill-Parlament għall-ispejjeż.
Motivi u argumenti prinċipali
Insostenn tar-rikors tagħhom, ir-rikorrenti jinvokaw żewġ motivi.
1.
L-ewwel motiv ibbażat fuq ksur tal-prinċipji ta’ proporzjonalità u ta’ ugwaljanza, sa fejn il-Parlament talab, b’mod mhux iġġustifikat, li l-membri kollha tal-grupp ekonomiku jkollhom awtorizzazzjoni skont il-liġi tal-10 ta’ April 1990 li tirregola s-sigurtà privata u personali, u b’hekk inkluda lill-membri tal-grupp li ma kinux ser jeżegwixxu s-servizzi kkonċernati mill-imsemmija liġi.
2.
It-tieni motiv, ippreżentat b’mod sussidjarju u bbażat fuq ksur tal-libertà li jiġu pprovduti servizzi u tal-prinċipji sottostanti ta’ ugwaljanza u ta’ proporzjonalità, sa fejn il-kundizzjoni li wieħed ikollu awtorizzazzjoni kif mitlub mil-liġi tal-10 ta’ April 1990, kienet tirrendi eċċessivament diffiċli, jew anki tostakola l-parteċipazzjoni ta’ impriża li l-offerta tagħha tirrigwarda servizzi li ma huwiex inkuż, għall-proċedura tal-għoti tal-kuntratt.
Full & Egal Universal Law Academy