24.8.2015
MT
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea
C 279/43
Appell ippreżentat fl-24 ta’ Ġunju 2015 minn Geoffroy Alsteens mis-sentenza mogħtija fil-21 ta’ April 2015 mid-digriet mogħti mit-Tribunal għas-Servizz Pubbliku fil-Kawża F-87/12 RENV, Alsteens vs Il-Kummissjoni
(Kawża T-328/15 P)
(2015/C 279/53)
Lingwa tal-kawża: il-Franċiż
Partijiet
Appellant: Geoffroy Alsteens (Marcinelle, il-Belġju) (rappreżentanti: S. Orlandi u T. Martin, avukati)
Partijiet oħra fil-proċedura: Il-Kummissjoni Ewropea
Talbiet
—
tannulla s-sentenza tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku fil-Kawża F-87/12 RENV, Alsteens vs Il-Kummissjoni;
—
tannulla d-deċiżjoni tal-Kummissjoni tat-18 ta’ Novembru 2011, sa fejn hija tillimita t-tul tal-estensjoni tal-kuntratt ta’ membru tal-persunal temporanju tal-appellant għall-31 ta’ Marzu 2012;
—
tikkundanna lill-Kummissjoni sabiex tħallas l-ammont provviżorju ta’ EUR 1 bħala kumpens għad-dannu mġarrab mill-appellant, kif ukoll l-ispejjeż tal-erba’ istanzi.
Aggravji u argumenti prinċipali
Insostenn tal-appell tiegħu, l-appellant jinvoka tliet aggravji.
1.
L-ewwel aggravju huwa bbażat fuq il-ksur tal-prinċipju ta’ kontradittorju u ta’ żball ta’ liġi. L-appellant isostni li t-Tribunal għas-Servizz Pubbliku (iktar 'il quddiem “TSP”) (i) ċaħad bi żball bħala inammissibbli, fir-rigward tar-regola ta’ konkordanza, il-motivi bbażati fuq l-iżball manifest ta’ evalwazzjoni u l-prinċipju ta’ amministrazzjoni tajba filwaqt li l-Kummissjoni qatt ma kienet qajjmet dan il-motiv ta’ inammissibbiltà u li l-partijiet qatt ma kellhom l-opportunità jieħdu pożizzjoni fuq din l-allegata inammissibbiltà u (ii) fi kwalunkwe każ, wettaq żball ta’ liġi meta ddeċieda li l-appellant ma kienx osserva r-regola ta’ konkordanza.
2.
It-tieni aggravju huwa bbażat fuq l-iżnaturament tal-argumenti tal-appellant, fuq ksur tal-obbligu ta’ motivazzjoni u fuq żball ta’ liġi, peress li t-TSP qies li ma kienx meħtieġ li jiddeċiedi dwar l-interpretazzjoni tal-Artikolu 8 tal-Kondizzjonijiet tal-impjieg ta’ impjegati oħra tal-Unjoni Ewropea (iktar 'il quddiem l-“RAA”) u li s-sentenza tal-5 ta’ Ottubru 1995, Alexopoulou vs Il-Kummissjoni (T-17/95, ĠabraSP, EU:T:1995:176), kienet nieqsa mir-rilevanza għas-soluzzjoni tal-kawża.
3.
It-tielet aggravju huwa bbażat fuq ksur tal-obbligu ta’ motivazzjoni u żball ta’ liġi, peress li t-TSP qies li kien hemm bżonn ta’ talba mingħand l-appellant sabiex issir deroga mill-applikazzjoni mekkanika tar-regola tas-sitt snin, u b’hekk ma ħax inkunsiderazzjoni l-fatt li d-deċiżjoni kkontestata kienet att li jikkawża preġudizzju lill-appellant.
Full & Egal Universal Law Academy