21.9.2015
MT
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea
C 311/49
Rikors ippreżentat fit-30 ta’ Ġunju 2015 – Papapanagiotou vs Il-Parlament
(Kawża T-351/15)
(2015/C 311/54)
Lingwa tal-kawża: l-Ingliż
Partijiet
Rikorrenti: Papapanagiotou AVEEA (Serres, il-Greċja) (rappreżentanti: S. Pappas u I. Ioannidis, avukati)
Konvenut: Il-Parlament Ewropew
Talbiet
—
tannulla d-Deċiżjoni D(2015)12887 tas-27 ta’ April 2015 tad-Direttur-Ġenerali tad-Direttorat-Ġenerali għall-Infrastruttura u Loġistika, li permezz tagħha l-offerta mressqa mir-rikorrenti għal-Lottijiet 1, 2 u 4 tal-proċedura ta’ sejħa għal offerti “Għamara tal-Uffiċċju” Nru INLO.AO-2012-017-LUX-UAGBI-02 “għall-akkwist ta’ għamara tal-uffiċċju u aċċessorji standard, eżekuttivi u high-end” ġiet miċħuda u li biha d-Direttur-Ġenerali informa lir-rikorrenti li, fl-evalwazzjoni tal-offerti kollha f’din il-proċedura ta’ sejħa għal offerti, huwa ma kienx ħa inkunsiderazzjoni wieħed mill-kriterji tal-għoti speċifikati fid-dokumenti tas-sejħa għal offerti;
—
tikkundanna lill-konvenut ibati l-ispejjeż tar-rikorrenti.
Motivi u argumenti prinċipali
Insostenn tar-rikors tagħha, ir-rikorrenti tinvoka tliet motivi.
1.
L-ewwel motiv ibbażat fuq l-allegazzjoni li d-deċiżjoni kkontestata hija illegali peress li din teskludi s-sottokriterju tal-għoti tal-“kostruzzjoni (reżistenza għal tkissir, brix, grif u telf ta’ kulur)” matul il-proċedura tas-sejħa għal offerti, u dan bi ksur tar-regoli speċifiċi tas-sejħa għal offerti, tal-Artikoli 110(1) u 113(1) tar-Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal-25 ta’ Ottubru 2012, dwar ir-regoli finanzjarji applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Unjoni (ir-“Regolament Finanzjarju”) u tal-prinċipji ġenerali ta’ trattament ugwali u ta’ trasparenza.
2.
It-tieni motiv ibbażat fuq l-allegazzjoni li l-awtorità kontraenti naqset milli tagħti raġunijiet, partikolarment il-karattersitiċi u l-vantaġġi relattivi tal-offerti magħżula, bi ksur tal-Artikolu 113(2) tar-Regolament Finanzjarju, tal-Artikolu 161(3) tar-Regolament ta’ Delega tal-Kummissjoni (UE) Nru 1268/2012, tad-29 ta’ Ottubru 2012, dwar ir-regoli tal-applikazzjoni tar-Regolament Nru 966/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar ir-regoli finanzjarji applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Unjoni (“Regoli ta’ applikazzjoni tar-Regolament Finanzjarju”), tal-Artikolu 41 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea u tal-Artikolu 296 TFUE.
3.
It-tielet motiv ibbażat fuq l-allegazzjoni ta’ ksur tal-prinċipju ta’ trasparenza skont l-Artikolu 102 tar-Regolament Finanzjarju u l-Artikolu 15(3) TFUE, peress li l-awtorità kontraenti naqset milli tipprovdi informazzjoni u provi dwar jekk il-kampjuni pprovduti mill-offerenti għall-evalwazzjoni mill-ġdid tal-offerti kinux identiċi għall-kampjuni inizjalment evalwati fl-ewwel proċedura ta’ evalwazzjoni li sussegwentement ġiet ikkanċellata.
Full & Egal Universal Law Academy