5.10.2015
MT
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea
C 328/10
Rikors ippreżentat fid-29 ta’ Ġunju 2015 – DEI vs Il-Kummissjoni
(Kawża T-352/15)
(2015/C 328/09)
Lingwa tal-kawża: il-Grieg
Partijiet
Rikorrenti: Dimosia Epicheirisi Ilektrismou AE (DEI) (Ateni, il-Greċja) (rappreżentanti: E. Bourtzalas, D. Waelbroeck, Ch. Tagaras, Ch. Synodinos u Ε. Salaka, avukati)
Konvenuta: Il-Kummissjoni Ewropea
Talbiet
—
tannulla d-Deċiżjoni tal-Kummissjoni C(2015)1942 finali tal-25 ta’ Marzu 2015 fil-każ SA.38101, sa fejn din tal-aħħar tqis li ebda għajnuna mill-Istat ma ngħatat lil Alouminion u li, konsegwentement, ma hemmx lok li tiftaħ il-proċedura ta’ investigazzjoni formali skont l-Artikolu 108(2) TFUE;
—
tannulla d-Deċiżjoni tal-Kummissjoni C (2015)1942 finali tal-25 ta’ Marzu 2015 fil-każ SA.34991, sa fejn din tal-aħħar tqis li l-ilment ta’ DEI dwar l-għajnuna mill-Istat li jirriżulta mill-motivi tad-Deċiżjoni 346/2012 tal-Awtorità Regolatorja Griega għall-Enerġija (Rythmistiki Archi Energeias, il-Greċja) saret mingħajr suġġett fid-dawl tar-riżultat tad-Deċiżjoni 1/2013 tat-tribunal tal-arbitraġġ; u
—
tikkundanna lill-Kummissjoni tħallas l-ispejjeż ta’ DEI.
Motivi u argumenti prinċipali
Insostenn tar-rikors tagħha, ir-rikorrenti tinvoka erba’ motivi.
1.
L-ewwel motiv ibbażat fuq il-ksur ta’ rekwiżit proċedurali sostanzjali, billi l-att ikkontestat ma ssodisfax ir-rekwiżiti proċedurali stabbiliti għall-adozzjoni ta’ tali deċiżjoni.
2.
It-tieni motiv ibbażat fuq motivazzjoni suffiċjenti, kontradizzjonijiet u l-ksur tal-obbligu li jiġu eżaminati l-punti rilevanti kollha ta’ fatt u ta’ liġi rilevanti sa fejn jikkonċerna l-evalwazzjoni li l-ftehim ta’ arbitraġġ iddefinixxa l-“parametri ċari u oġġettivi” li “jillimitaw is-setgħa diskrezzjonalu tal-arbitri” u li kellu l-konsegwenza loġika li t-tariffa tal-elettriku kienet stabbilita għall-ammont finali tagħha.
3.
It-tielet motiv ibbażat fuq l-iżball manifest ta’ liġi fl-interpretazzjoni u fl-applikazzjoni tal-kriterju tal-investitur privat prudenti f’ekonomija tas-suq u tal-Artikoli 107(1) u 108(2) TFUE, sa fejn jikkonċerna l-evalwazzjoni li t-tariffa tal-elettriku stabbilita mid-deċiżjoni tat-tribunal tal-arbitraġġ tikkostitwixxi “konsegwenza loġika tal-parametri stabbiliti b’mod korrett fil-ftehim ta’ arbitraġġ”.
4.
Ir-raba’ motiv ibbażat fuq l-iżball manifest ta’ liġi fl-interpretazzjoni u fl-applikazzjoni tal-Artikoli 107 u 108 TFUE fir-rigward tal-evalwazzjoni li l-Kummissjoni ma kinitx obbligata li twettaq evalwazzjonijiet ekonomiċi kumplessi kif ukoll fuq l-iżball manifest ta’ liġi manifest u l-iżball manifest ta’ evalwazzjoni tal-fatti sa fejn il-Kummissjoni naqset milli teżamina punti determinanti fir-rigward tal-konstatazzjoni tal-eżistenza jew le ta’ għajnuna mill-Istat .
5.
Il-ħames motiv ibbażat fuq l-iżball manifest ta’ liġi fl-applikazzjoni tal-Artikolu 107(1) u 108(2) TFUE u fuq l-iżball manifest ta’ evalwazzjoni tal-fatti fir-rigward tal-applikazzjoni tal-kriterju tal-investitur privat prudenti f’ekonomija tas-suq.
6.
Is-sitt motiv ibbażat fuq l-iżball manifest ta’ liġi fl-interpretazzjoni u fl-applikazzjoni tal-Artikolu 107(1) TFU, il-ksur tal-obbligu ta’ motivazzjoni suffiċjenti u l-iżball manifest ta’ evalwazzjoni ta’ fatti rigward id-deċiżjoni tal-Kummissjoni li ma tiħux passi dwar l-ilment ta’ DEI tal-2012, skont l-Artikolu 108(2) TFUE, billi bbażat l-evalwazzjoni tagħha fuq il-fatt li dan l-ilment “sar mingħajr suġġett” wara l-għoti tad-Deċiżjoni 1/2013 tat-tribunal tal-arbitraġġ.
Full & Egal Universal Law Academy