12.10.2015
MT
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea
C 337/14
Rikors ippreżentat fis-6 ta’ Lulju 2015 – L-Awstrija vs Il-Kummissjoni
(Kawża T-356/15)
(2015/C 337/17)
Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż
Partijiet
Rikorrenti: Ir-Repubblika tal-Awstrija (rappreżentanti: C. Pesendorfer u H. Kristoferitsch, avukat)
Konvenuta: Il-Kummisjoni Ewropea
Talbiet
—
tannulla d-Deċiżjoni tal-Kummissjoni (UE) 2015/658, tat-8 ta’ Ottubru 2014, dwar il-miżura ta’ għajnuna SA.34947 (2013/C) (ex 2013/N) li r-Renju Unit qed jippjana li jimplimenta bħala Appoġġ għall-Impjant tal-Enerġija Nukleari Hinkley Point C [notifikata bid-dokument C(2014) 7142] (ĠU 2015 L 109, p. 44);
—
tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż.
Motivi u argumenti prinċipali
Insostenn tar-rikors tagħha, ir-rikorrenti tinvoka għaxar motivi.
1.
L-ewwel motiv: applikazzjoni żbaljata tal-Artikolu 107(3)(c) TFUE – definizzjoni żbaljata tas-suq u suppożizzjoni inkorretta ta’ falliment tas-suq
Ir-rikorrenti ssostni li l-Kummissjoni awtorizzat b’mod żbaljat l-għajnuna mill-Istat prevista skont l-Artikolu 107(3)(c) TFUE sa fejn hija taċċetta b’mod żbaljat l-eżistenza ta’ suq distint tal-enerġija nukleari u tassumi – ukoll b’mod żbaljat – li f’dan is-suq hemm falliment.
2.
It-tieni motiv: ksur tal-Artikolu 107(3)(c) TFUE – evalwazzjoni żbaljata taċ-ċentru nukleari bħala “teknoloġija ġdida”
F’dan il-kuntest, ir-rikorrenti tafferma li d-deċiżjoni hija wkoll ivvizzjata b’nullità minħabba li l-Kummissjoni tinvoka b’mod żbaljat il-fatt li t-teknoloġija inkwistjoni hija teknoloġija ġdida.
3.
It-tielet motiv: applikazzjoni żbaljata tal-Artikolu 107(3)(c) TFUE – suppożizzjoni żbaljata tal-eżistenza ta’ għajnuna għall-investiment
Fil-kuntest tat-tielet motiv, ir-rikorrenti ssostni li l-Kummissjoni tassumi b’mod żbaljat li l-miżuri previsti huma sempliċi għajnuna għall-investiment; fir-realtà, l-għajnuna tmur ferm lil hinn minn sempliċi għajnuna għall-investiment u tikkostitwixxi għajnuna għall-funzjonament – li hija illegali skont il-ġurisprudenza tal-qrati tal-Unjoni.
4.
Ir-raba’ motiv: applikazzjoni żbaljata tal-Artikolu 107(3)(c) TFUE – assenza ta’ suġġett ta’ interess komuni
F’dan il-kuntest, ir-rikorrenti tafferma li d-deċiżjoni kkontestata hija wkoll ivvizzjata b’nullità peress li – kuntrarjament għal dak li tqis il-Kummissjoni – ma hemmx l-interess komuni meħtieġ għall-awtorizzazzjoni tal-għajnuna skont l-Artikolu 107(3)(c) TFUE.
5.
Il-ħames motiv: definizzjoni insuffiċjenti tal-għajnuna
Ir-Repubblika tal-Awstrija tibbaża wkoll ir-rikors tagħha fuq il-fatt li l-Kummissjoni ddefinixxiet l-għajnuna mill-Istat b’mod totalment insuffiċjenti.
6.
Is-sitt motiv: applikazzjoni żbaljata tal-Artikolu 107(3)(c) TFUE – natura mhux xierqa tal-miżuri
L-ispjegazzjonijiet tal-Kummissjoni dwar in-natura xierqa tal-għajnuna mill-Istat huma, skont ir-rikorrenti, inkorretti u ma jinftehmux b’mod li jrendu wkoll id-deċiżjoni nulla.
7.
Is-seba’ motiv: ksur tar-rekwiżiti bażiċi tal-proċedura għall-għoti ta’ kuntratt pubbliku
Fil-kuntest ta’ dan il-motiv, ir-rikorrenti ssostni li l-għajnuna mill-Istat ma kellhiex tiġi awtorizzata partikolarment minħabba li r-Renju Unit ma għamilx proċedura għall-għoti ta’ kuntratt pubbliku u kiser il-prinċipji tad-dritt tal-Unjoni ta’ ugwaljanza fit-trattament u ta’ trasparenza.
8.
It-tmien motiv: ksur tal-Avviż dwar il-garanziji (1)
F’dan il-kuntest, ir-rikorrenti tilmenta li l-garanzija pubblika mogħtija bħala parti mill-għajnuna mill-Istat ma ġietx eżaminata skont il-kriterji tal-Avviż dwar il-garanziji.
9.
Id-disa’ motiv: nuqqas ta’ osservanza tal-obbligu ta’ motivazzjoni skont l-Artikolu 296(2) TFUE
Il-Kummissjoni naqset ukoll milli twettaq l-obbligu tagħha ta’ motivazzjoni, u dan f’diversi aspetti u b’mod serju ħafna.
10.
L-għaxar motiv: ksur tad-dritt għal smigħ
Finalment, ir-rikorrenti tilmenta wkoll minn ksur tad-dritt għal smigħ.
(1) Avviż tal-Kummissjoni dwar l-applikazzjoni tal-Artikoli 87 u 88 tat-Trattat tal-KE għall-għajnuna mill-Istat fil-forma ta’ garanziji (ĠU 2008 C 155, p. 10).
Full & Egal Universal Law Academy