12.10.2015
MT
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea
C 337/20
Rikors ippreżentat fl-14 ta’ Lulju 2015 – IMG vs Il-Kummissjoni
(Kawża T-381/15)
(2015/C 337/22)
Lingwa tal-kawża: il-Franċiż
Partijiet
Rikorrenti: International Management Group IMG (Brussell, il-Belġju)
Konvenuta: Il-Kummissjoni Ewropea
Talbiet
Ir-rikorrenti titlob lill-Qorti Ġenerali jogħġobha:
—
tannulla d-deċiżjoni tal-Kummissjoni tat-8 ta’ Mejju 2015 li biha għandhom jitwettqu miżuri msaħħa ta’ awditjar u ta’ monitoraġġ, li titwettaq senjalazzjoni ta’ verifika taħt id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni tat-13 ta’ Novembru 2014, dwar is-Sistema ta’ Twissijiet Bikrija li għandha tintuża mill-uffiċjali awtorizzanti tal-Kummissjoni u tal-aġenziji eżekuttivi, u li tirrifjuta lil IMG il-kwalità ta’ organizzazzjoni internazzjonali taħt ir-regolament finanzjarju;
—
tikkundanna lill-konvenuta għall-kumpens għad-dannu materjali u morali;
—
tikkundanna lill-konvenuta għall-ispejjeż kollha.
Motivi u argumenti prinċipali
Insostenn tar-rikors tagħha, ir-rikorrenti tinvoka tmien motivi li jikkonċernaw aspetti differenti tad-deċiżjoni kkontestata.
—
Fir-rigward tad-deċiżjoni kkontestata kollha kemm hi
1.
L-ewwel motiv ibbażat fuq ksur tal-Artikolu 41 tal-Karta, u tad-Dritt għal smigħ.
2.
It-tieni motiv ibbażat fuq ksur tal-prinċipju ta’ proporzjonalità.
—
Fir-rigward tad-deċiżjoni li jiġi rrifjutat lir-rikorrenti l-istatus ta’ organizzazzjoni internazzjonali fis-sens tal-regolament finanzjarju
3.
It-tielet motiv ibbażat fuq ksur tar-Regolament (UE, EURATOM) Nru 966/2012 (1) u tar-Regolament ta’ Delega (UE) Nru 1268/2012 (2), kif ukoll fuq żball manifest ta’ evalwazzjoni, peress li l-Kummissjoni ddeċidiet li r-rikorrenti ma kinitx iktar tissodisfa l-kwalità ta’ organizzazzjoni internazzjonali fis-sens tar-regolamenti ċċitati iktar ‘il fuq.
4.
Ir-raba’ motiv ibbażat fuq ksur tad-dmir ta’ motivazzjoni.
5.
Il-ħames motiv ibbażat fuq ksur tal-prinċipju ta’ ċertezza legali, sa fejn il-Kummissjoni ma tispjegax għaliex hija tqis li r-rikorrenti ma tissodisfax iktar il-kriterji ta’ definizzjoni ta’ organizzazzjoni internazzjonali, u ma tispjegax il-bidla sostanzjali li hija wettqet fl-interpretazzjoni u fl-applikazzjoni tar-regolament finanzjarju fir-rigward ta’ sitwazzjoni fattwali u ġuridika (dik tar-rikorrenti) li ma nbidlitx.
6.
Is-sitt motiv ibbażat fuq ksur tal-aspettattivi leġittimi, peress li l-esklużjoni tar-rikorrenti mill-istatus ta’ organizzazzjoni internazzjonali saret għal għarrieda u mingħajr perijodu tranżitorju.
—
Fir-rigward tad-deċiżjoni li titwettaq senjalazzjoni fil-kuntest tas-sistema ta’ twissijiet bikrija (SAP)
7.
Is-seba’ motiv ibbażat fuq illegalità tad-Deċiżjoni 2014/792/UE (3), sa fejn ma kienx hemm bażi ġuridika għall-adozzjoni tagħha.
8.
It-tmien motiv, invokat sussidjarjament, ibbażat fuq ksur tal-Artikolu 41 tal-Karta, tad-dritt għal smigħ u tal-obbligu ta’ motivazzjoni, kif ukoll ta’ żball manifest ta’ evalwazzjoni.
(1) Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta’ Ottubru 2012 dwar ir-regoli finanzjarji applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Unjoni u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 1605/2002 (ĠU L 298, p. 1).
(2) Regolament ta’ Delega tal-Kummissjoni (UE) Nru 1268/2012 tad- 29 ta’ Ottubru 2012 dwar ir-regoli tal-applikazzjoni tar-Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar ir-regoli finanzjarji applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Unjoni (ĠU L 362, p. 1).
(3) Deċiżjoni 2014/792/UE tal-Kummissjoni, tat-13 ta’ Novembru 2014, dwar is-Sistema ta’ Twissijiet Bikrija li għandha tintuża mill-uffiċjali awtorizzanti tal-Kummissjoni u tal-aġenziji eżekuttivi (ĠU L 329, p. 68).
Full & Egal Universal Law Academy