21.9.2015
MT
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea
C 311/57
Rikors ippreżentat fit-22 ta’ Lulju 2015 – Ir-Repubblika tal-Polonja vs Il-Kummissjoni Ewropea
(Kawża T-402/15)
(2015/C 311/62)
Lingwa tal-kawża: il-Pollakk
Partijiet
Rikorrenti: Ir-Repubblika tal-Polonja (rappreżentant: B. Majczyna)
Konvenuta: Il-Kummissjoni Ewropea
Talbiet
—
tannulla d-Deċiżjoni tal-Kummissjoni Ewropea, tal-11 ta’ Mejju 2015, [innotifikata taħt in-numru C (2015) 3228] dwar ir-rifjut ta’ kontribuzzjoni finanzjarja mill-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali għall-proġett kbir “Ċentru Ewropew ta’ Servizzi Kondiviżi – Sistemi ta’ loġistika intelliġenti”, li jagħmel parti mill-programm operattiv “Ekonomija Innovattiva” għal għajnuna mill-FEŻR fil-kuntest tal-għan ta’ Konverġenza fil-Polonja,
—
tikkundanna lill-Kummissjoni Ewropea għall-ispejjeż.
Motivi u argumenti prinċipali
Insostenn tar-rikors tagħha, ir-rikorrenti tinvoka erba’ motivi.
1.
L-ewwel motiv ibbażat fuq ksur tad-dispożizzjonijiet moqrija flimkien tal-Artikoli 41(1), 56(3) u 60(a) tar-Regolament (KE) Nru 1083/2006 u tal-prinċipju ta’ kooperazzjoni leali minħabba li l-proġett ġie evalwat b’mod li ma josservax il-limiti tal-kriterji ta’ selezzjoni stabbiliti mill-Kumitat ta’ monitoraġġ, minkejja li dawn il-kriterji ma kinux ġew ikkontestati mill-Kummissjoni fiż-żmien tal-istabbiliment tagħhom, kif ukoll fuq ksur tal-Artikolu 41(2) tar-Regolament (KE) Nru 1083/2006 minħabba li nqabeż b’mod manifest it-terminu għall-evalwazzjoni tal-proġett.
2.
It-tieni motiv ibbażat fuq interpretazzjoni żbaljata tal-kundizzjonijiet għall-għoti ta’ kofinanzjament mill-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali (FEŻR), sa fejn ġie kkunsidrat li huma biss l-investimenti li għandhom l-ikbar potenzjal ta’ tixrid tal-innovazzjoni li jistgħu jiġu kkofinanzjati, kif ukoll fuq evalwazzjoni żbaljata tal-proġett, sa fejn ġie kkunsidrat li huwa ma jiggarantixxix l-osservanza tal-programm operattiv “Ekonomija Innovattiva” minħabba assenza ta’ innovazzjoni.
3.
It-tielet motiv ibbażat fuq interpretazzjoni żbaljata tal-kundizzjonijiet għall-għoti ta’ kofinanzjament mill-FEŻR, sa fejn ġie kkunsidrat li huma biss l-investimenti li joħolqu postijiet tax-xogħol li jeżiġu kwalifiki li jistgħu jiġu kkofinanzjati, kif ukoll fuq evalwazzjoni żbaljata tal-proġett, sa fejn ġie kkunsidrat li ma joħloq l-ebda post tax-xogħol li jeżiġi kwalifi.
4.
Ir-raba’ motiv ibbażat fuq evalwazzjoni żbaljata tal-proġett sa fejn ġie kkunsidrat li huwa ma jiggarantixxix it-twettiq tal-għanijiet tal-programm operattiv “Ekonomija Innovattiva” minħabba l-assenza ta’ valur miżjud u minħabba l-assenza ta’ effett ta’ inċentiv.
Full & Egal Universal Law Academy