5.10.2015
MT
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea
C 328/19
Rikors ippreżentat fid-29 ta’ Lulju 2015 – Kolachi Raj Industrial vs Il-Kummissjoni
(Kawża T-435/15)
(2015/C 328/20)
Lingwa tal-kawża: l-Ingliż
Partijiet
Rikorrenti: Kolachi Raj Industrial (Private) Ltd (Karachi, il-Pakistan) (rappreżentant: P. Bentley, QC)
Konvenuta: Il-Kummissjoni Ewropea
Talbiet
Ir-rikorrenti titlob lill-Qorti Ġenerali jogħġobha:
—
tannulla r-Regolament ta’ Implementazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 2015/776 (1) sa fejn dan:
—
(i) jiċħad it-talba tar-rikorrenti għal eżenzjoni minn kwalunkwe estensjoni ta’ miżuri antidumping għal importazzjonijiet ta’ roti kkunsinnati mill-Pakistan;
—
(ii) jestendi d-dazju antidumping definittiv impost mir-Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 502/2013 (2) fuq importazzjonijiet ta’ roti li joriġinaw mir-Repubblika Popolari taċ-Ċina għal importazzjonijiet ta’ roti kkunsinnati mir-rikorrenti mill-Pakistan; u
—
(iii) jordna l-ġbir tal-imsemmi dazju fuq importazzjonijiet ikkunsinnati mill-Pakistan u rreġistrati skont l-Artikolu 2 tar-Regolament (UE) Nru 938/2014 (3).
—
tikkundanna lill-konvenuta għall-ispejjeż.
Motivi u argumenti prinċipali
Insostenn tar-rikors, ir-rikorrenti tinvoka motiv wieħed, ibbażat fuq l-allegazzjoni li l-konvenuta kisret l-Artikolu 13(2)(b) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1225/2009, tat-30 ta’ Novembru 2009, dwar il-protezzjoni kontra l-importazzjonijiet li huma l-oġġett ta’ dumping minn pajjiżi mhux membri tal-Komunità Ewropea (ĠU L 343, p. 51). B’mod iktar speċifiku, fl-applikazzjoni tal-Artikolu 13(2)(b) il-konvenuta wettqet żbalji proċedurali u ta’ liġi, u użat raġunament mhux koerenti.
(1) Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2015/776, tat-18 ta’ Mejju 2015, li jestendi d-dazju antidumping definittiv impost mir-Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 502/2013 fuq importazzjonijiet ta’ roti li joriġinaw mir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina għal fuq importazzjonijiet ta’ roti kkonsenjati mill-Kambodja, mill-Pakistan u mill-Filippini, kemm jekk iddikjarati li joriġinaw mill-Kambodja, mill-Pakistan u mill-Filippini kif ukoll jekk le (ĠU L 122, p. 4).
(2) Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 502/2013, tad-29 ta’ Mejju 2013, li jemenda r-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) Nru 990/2011 li jimponi dazju antidumping definittiv fuq importazzjonijiet ta’ roti li joriġinaw mir-Repubblika Popolari taċ-Ċina wara rieżami interim skont l-Artikolu 11(3) tar-Regolament (KE) Nru 1225/2009 (ĠU L 153, p. 17).
(3) Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 938/2014, tat-2 ta’ Settembru 2014, li jibda investigazzjoni rigward il-possibbiltà ta’ evażjoni tal-miżuri antidumping imposti mir-Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 502/2013 fuq l-importazzjonijiet ta’ roti li joriġinaw mir-Repubblika Popolari taċ-Ċina b’importazzjonijiet ta’ roti kkunsinjati mill-Kambodja, il-Pakistan u l-Filippini, kemm jekk iddikjarati li joriġinaw mill-Kambodja, il-Pakistan u l-Filippini u kemm jekk le, u li jagħmel tali importazzjonijiet soġġetti għar-reġistrazzjoni (ĠU L 263, p. 5).
Full & Egal Universal Law Academy