5.10.2015
MT
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea
C 328/20
Rikors ippreżentat fl-4 ta’ Awwissu 2015 – Consorzio Vivaisti viticoli pugliesi e Negro vs Il-Kummissjoni
(Kawża T-436/15)
(2015/C 328/21)
Lingwa tal-kawża: it-Taljan
Partijiet
Rikorrenti: Consorzio Vivaisti viticoli pugliesi (Otranto, l-Italja); Negro Daniele (Otranto) (rappreżentanti: V. Pellegrino u A. Micolani, avukati)
Konvenuta: Il-Kummissjoni Ewropea
Talbiet
—
preliminarjament, tissospendi, il-miżura sa fejn tirrigwarda r-rikorrenti, skont l-Artikolu 278 TFUE;
—
tivverifika u tiddikjara l-illegalità tad-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni 2015/789 u b’mod partikolari tal-Artikolu 9 tal-Anness I, fil-parti fejn jiġu kklassifikati l-ispeċijiet Vitis fost dawk suxxettibbli għall-iżolati Ewropej u mhux Ewropej ta’ Xylella fastidiosa u għaldaqstant jipprojbixxu l-moviment tagħha “fi ħdan l-Unjoni, fi ħdan jew barra miż-żoni demarkati” u konsegwentement tannullaha sa fejn tirrigwarda lir-rikorrenti;
—
tikkundanna lill-konvenuta għall-ispejjeż tal-proċedura;
—
tikkundanna lill-konvenuta għal kull miżura oħra xierqa, inkluż invetsigazzjoni ulterjuri, anki permezz l-EFSA.
Motivi u argumenti prinċipali
Insostenn tar-rikors tagħhom, ir-rikorrenti jinvokaw il-ksur tal-prinċipju ta’ proporzjonalità tal-Artikolu 5 TUE u l-Artikolu 296 TFUE, il-ksur tal-forom proċedurali prermezz tan-nuqqas ta’ motivazzjoni u/jew ta’ motivazzjoni żbaljata, kif ukoll ta’ użu ħażin ta’ poter minħabba żball fil-premessi ta’ fatt u ta’ dritt; u kuntradizzjoni interna.
Ir-rikorrenti jippreċiżaw li r-rikors huwa bbażat fuq l-istudji magħmula mir-riċerkaturi taċ-CNR ta’ Bari, li abbażi ta’ osservazzjonijiet, analiżi u esperimenti, fuq il-post u fil-laboratorju, juri li:
—
il-batterju iżolat f’Salento huwa subspeċi u strejn differenti minn dik notorjament responsabbli għall-fitopatoloġiji tal-ħajja fil-kontenenti barra mill-Ewropa;
—
mill-2013 sal-lum id-dwieli kkoltivati fil-Provinċja ta’ Lecce ma mmanifestaw ebda sintomu la tal-marda ta’ Pierce, u lanqas ta’ tnixxif patoloġiku ieħor;
—
fl-istess perijodu fuq l-istess dwieli ma nstabet l-ebda traċċa tal-batterju, lanqas fiż-żoni qrib u b’kuntatt dirett mas-siġar taż-żebbuġ infettati;
—
l-esperimenti li saru fuq id-dielja fil-laboratorju (permezz ta’ inokulazzjoni u/jew permezz ta’ kuntatt mal-vettur) kollha taw riżultat negattiv, kemm fir-rigward tal-iżvilupp tal-infezzjoni kif ukoll fir-rigward tal-preżenza stess tal-betterju f’forma asintomatika.
Għalhekk, skont ir-rikorrenti, l-inklużjoni tad-dielja fost il-pjanti speċifikati tirriżulta, illegali peress li ma tieħux inkunsiderazzjoni r-riżultati tal-invetsigazzjoni li minna jirriżulta li ċerta immunità tad-dielja għall-batterju mxerred fiż-żona infettata.
Il-miżura hija wkoll kontradittorja peress li wara l-ewwel parir EFSA 26/11/2013, fejn ġie stabbilit nuqqas ta’ għarfien tal-istrejn ta’ Xylella fastidiosa li tfaċċa f’Salento, il-Kummissjoni fid-deċiżjonijiet preċedenti Nru 87 u Nru 497 tal-2014 ma kinitx inkludiet id-dwieli fost il-pjanti suxxettibbli, filwaqt li sorprendentement sussegwentement inkludietha fiha u pprojbiet il-moviment tagħha minkejja li kienu saru studji iktar iddettaljati mill-EFSA nnifisha u mill-awtoritajiet Taljani li urew l-immunità tagħha għall-istess batterju iżolat f’Salento.
Full & Egal Universal Law Academy