12.10.2015
MT
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea
C 337/30
Rikors ippreżentat fit-30 ta’ Lulju 2015 – Port Autonome du Centre et de l’Ouest et vs Il-Kummissjoni
(Kawża T-438/15)
(2015/C 337/31)
Lingwa tal-kawża: il-Franċiż
Partijiet
Rikorrenti: Port Autonome du Centre et de l’Ouest SCRL (La Louvière, il-Belġju), Port Autonome de Namur (Namur, il-Belġju), Port Autonome de Charleroi (Charleroi, il-Belġju) u ir-Reġjun Vallon (Jambes, il-Belġju) (rappreżentant: J. Vanden Eynde, avukat)
Konvenuta: Il-Kummissjoni Ewropea
Talbiet
Ir-rikorrenti jitlobu li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:
—
tiddikjara r-rikors ammissibbli fir-rigward ta’ kull wieħed mir-rikorrenti u konsegwentement tannulla d-deċiżjoni tal-Kummissjoni bir-referenza SA.38393(2014/CP) – tassazzjoni tal-portijiet fil-Belġju;
—
tiddikjara dan ir-rikors ammissibbli u fondat;
—
konsegwentement, tannulla d-deċiżjoni tal-Kummissjoni Ewropea li tikkunsidra bħala għajnuna mill-Istat inkompatibbli mas-suq intern il-fatt li l-attivitajiet ekonomiċi tal-portijiet Belġjani, u b’mod partikolari l-portijiet tal-Wallonie, ma humiex suġġetti għat-taxxa fuq il-kumpanniji;
—
tikkundanna lill-konvenuta għall-ispejjeż.
Motivi u argumenti prinċipali
Insostenn tar-rikors tagħha, ir-rikorrenti jinvokaw sitt motivi.
1.
L-ewwel motiv ibbażat, b’mod ġenerali, fuq il-fatt li d-dikjarazzjonijiet tal-Kummissjoni la huma sostnuti mill-fatti u lanqas iġġustifikati fid-dritt.
2.
It-tieni motiv ibbażat fuq il-fatt li d-dikjarazzjoni li s-sistema ta’ tassazzjoni kkonċernata hija t-taxxa fuq il-kumpanniji ma hijiex iġġustifikata fid-dritt.
3.
It-tielet motiv ibbażat fuq il-fatt li l-Kummissjoni tonqos milli tieħu inkunsiderazzjoni prerogattivi tal-Istati Membri fil-qasam ta’:
—
definizzjoni ta’ attivitajiet mhux ekonomiċi;
—
definizzjoni tat-tassazzjoni diretta;
—
obbligu li jiġi żgurat il-funzjonament korrett ta’ servizzi ta’ interess ġenerali neċessarju għall-koeżjoni soċjali u ekonomika;
—
organizzazzjoni diskrezzjonali ta’ servizzi ta’ interess ġenerali.
4.
Ir-raba’ motiv ibbażat fuq il-fatt li l-attivitajiet essenzjali tal-portijiet tal-Wallonie huma servizzi ta’ interess ġenerali li ma humiex irregolati, skont il-leġiżlazzjoni Ewropea (Artikoli 93 u 106(2) TFUE), mir-regoli tal-kompetizzjoni tal-Artikolu 107 TFUE.
5.
Il-ħames motiv, invokat b’mod sussidjarju, ibbażat fuq il-fatt li jekk l-attivitajiet essenzjali tal-portijiet interni tal-Wallonie jaqgħu taħt is-servizzi ta’ interess ekonomiku ġenerali, huma jkunu rregolati mir-regoli tal-Artikoli 93 u 106(2) TFUE u r-regoli tal-kompetizzjoni ma jkunux japplikaw għalihom.
6.
Is-sitt motiv, invokat b’mod iktar sussidjarju, ibbażat fuq il-fatt li l-kriterji Ewropej għad-definizzjoni ta’ għajnuna mill-Istat ma humiex issodisfatti.
Full & Egal Universal Law Academy