5.10.2015
MT
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea
C 328/26
Rikors ippreżentat fil-31 ta’ Lulju 2015 – European Dynamics Luxembourg et vs L-Aġenzija Ewropea għall-Mediċini
(Kawża T-441/15)
(2015/C 328/24)
Lingwa tal-kawża: il-Grieg
Partijiet
Rikorrenti: European Dynamics Luxembourg SA (Lussemburgu, il-Lussemburgu), Evropaïki Dynamiki – Proigmena Systimata Tilepikoinonion Pliroforikis kai Tilematikis AE (Ateni, il-Greċja), European Dynamics Belgium SA (Brussell, il-Belġju) (rappreżentanti: I. Ampazis u M. Sfyri, avukati)
Konvenuta: L-Aġenzija Ewropea għall-Mediċini
Talbiet
—
Tannulla d-deċiżjoni tal-Aġenzija Ewropea għall-Mediċini (AEM) li ġiet innotifikata lir-rikorrenti fl-4 ta’ Ġunju 2015 b’posta elettronika tad-Direttur tar-Riżorsi Teknoloġiċi u tal-Informatika li permezz tagħha l-AEM ċaħdet tnejn mill-kandidati li r-rikorrenti pproponew wara t-talba għall-għoti ta’ servizzi (request form for services) Nru SC001, fl-ambitu tal-kuntratt-qafas EMA/2012/10/ICT;
—
tikkundanna lill-AEM tikkumpensa d-dannu kkawżat lir-rikorrenti minħabba t-telf ta’ opportunità ta’ konklużjoni ta’ kuntratt speċifiku għal direttur ta’ proġett (project manager) fil-kuntest tat-talba għall-għoti ta’ servizzi (request form for services) Nru SC001, li huma jevalwaw ex æquo et bono fl-ammont ta’ EUR 8 000, flimkien mal-interessi dekorribbli mid-data ta’ adozzjoni tad-deċiżjoni jew kwalunkwe ammont ieħor li l-Qorti Ġenerali tqis xieraq; u
—
tikkundanna lill-AEM tbati l-ispejjeż kollha tar-rikorrenti.
Motivi u argumenti prinċipali
Ir-rikorrenti jqisu li d-deċiżjoni kkontestata għandha tiġi annullata, konformement mal-Artikolu 263 TFUE, peress li tmur kontra l-prinċipju ta’ proporzjonalità, applikabbli għall-kuntratti pubbliċi. Speċifikament, id-deċiżjoni kkontestata ċaħdet il-kandidati tar-rikorrenti minħabba l-assenza ta’ ċertifikazzjoni tal-metodu PRINCE2, kriterju li la huwa xieraq u lanqas neċessarju u li, għalhekk, imur kontra l-prinċipju ta’ proporzjonalità applikabbli għall-kuntratti pubbliċi.
Konsegwentement, l-AEM wettqet ksur serju tad-dispożizzjoni legali inkwistjoni (l-Artikolu 102(1) tar-Regolament Finanzjarju), li hija intiża sabiex tagħti drittijiet lill-individwi, u kkawżat dannu lir-rikorrenti sa fejn dawn tilfu opportunità li jikkonkludu kuntratt speċifiku relatat ma’ direttur ta’ proġett (project manager), b’tali mod li l-kundizzjonijiet għall-kumpens għad-dannu huma ssodisfatti.
Full & Egal Universal Law Academy