5.10.2015
MT
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea
C 328/27
Rikors ippreżentat fis-6 ta’ Awissu 2015 – EEB vs Il-Kummissjoni
(Kawża T-448/15)
(2015/C 328/25)
Lingwa tal-kawża: l-Ingliż
Partijiet
Rikorrent: European Environmental Bureau (EEB) (Brussell, il-Belġju) (rappreżentanti: B. Kloostra, avukat)
Konvenuta: Il-Kummissjoni Ewropea
Talbiet
—
tiddikjara li l-Kummissjoni kisret ir-Regolament (KE) Nru 1367/2006 u l-Konvenzjoni ta’ Aarhus, b’mod partikolari:
a.
l-Artikoli 1(1)(a), 3 u 6 (1) tar-Regolament (KE) Nru 1367/2006 (1) talli naqset li tinterpreta dawn id-dispożizzjonijiet skont l-Artikolu 4(1), (3) u (4) tal-Konvenzjoni ta’ Aarhus u/jew talli naqset li tapplikat direttament l-Artikolu 4(1), (3) u (4) tal-Konvenzjoni ta’ Aarhus għall-informazzjoni dwar l-ambjent, peress li l-Artikoli 3 u 6(1) tar-Regolament (KE) Nru 1367/2006 huma inkompatibbli mal-Artikolu 4(1), (3) u (4) tal-Konvenzjoni ta’ Aarhus u illegalment estendew ir-raġunijiet għal rifjut tal-Artikolu 4(3) tar-Regolament (KE) Nru 1049/2001 (2) għall-informazzjoni dwar l-ambjent;
b.
l-Artikolu 6(1) tar-Regolament (KE) Nru 1367/2006 għal nuqqas li tinterpreta u tapplika r-raġunijiet għal rifjut tal-Artikolu 4(3) tar-Regolament (KE) Nru 1049/2001 b’mod restrittiv u/jew sabiex tieħu inkunsiderazzjoni l-interess pubbliku fl-iżvelar ta’ informazzjoni dwar l-ambjenti u/jew it-teħid inkunsiderazzjoni li l-informazzjoni inkwistjoni hija relatata ma’ emissjonijiet fl-ambjent;
—
tiddikjara li l-Kummissjoni kisret ir-Regolament (KE) Nru 1049/2001, b’mod partikolari:
a.
l-Artikolu 4(3) tar-Regolament (KE) Nru 1049/2001 billi ma tatx raġunijiet dettaljati għar-rifjut ta’ aċċess għad-dokumenti kkonċernati;
b.
l-Artikolu 4(3) tar-Regolament (KE) Nru 1049/2001 billi applikat l-ewwel paragrafu ta’ din id-dispożizzjoni għal dokumenti relatati ma’ proċess deċiżjonali finalizzat;
c.
l-Artikolu 4(3) tar-Regolament (KE) Nru 1049/2001 talli naqset li tanalizza b’mod suffiċjenti jekk kienx hemm interess pubbliku ikbar fl-iżvelar;
d.
l-Artikoli 6(3), 7(1) u (3) u 8(1) u (2) tar-Regolament (KE) Nru 1049/2001 talli ma wettqet l-ebda sforz sabiex tikkonsulta informalment bil-ħsieb li tinstab soluzzjoni ġusta u talli ma ħaditx deċiżjoni fit-termini preskritti;
—
tikkundanna lill-Unjoni kif irrappreżentata mill-Kummissjoni sabiex issewwi kwalunkwe ħsara mġarrba mill-EEB, inklużi l-interessi, bħala riżultat li l-EEB ma kellhiex aċċess f’waqtu għad-dokumenti mitluba, li ma ġewx żvelati mill-Kummissjoni skond it-termini stabbiliti fl-Artikoli 7 (1) u (3) u 8 (1) u (2) tar-Regolament (KE) Nru 1049/2001, għal ammont li għandu jiġi stabbilit mill-Qorti Ġenerali, iżda mhux inqas minn EUR 1;
—
tannulla d-deċiżjoni kkontestata tal-Kummissjoni tal-1 ta’ Ġunju 2015; u
—
tikkundanna lill-Kummissjoni tbati l-ispejjeż, inklużi l-ispejjeż tal-intervenjenti
Motivi u argumenti prinċipali
Insostenn tar-rikors tagħha, ir-rikorrent jinvoka l-argumenti u motivi li pejjin rigward il-ksur tal-Kummissjoni tar-Regolament (KE) Nru 1367/2006 u 1049/2001 u l-Konvenzjoni ta’ Aarhus (3):
1.
L-ewwel motiv, ibbażat fuq il-ksur tal-Artikoli 1(1) (a), 3 u 6 (1) tar-Regolament (KE) Nru 1367/2006 u/jew l-Artikoli 4 (1), (3) u (4) tal-Konvenzjoni
—
l-informazzjoni mitluba tikkwalifika bħala informazzjoni dwar l-ambjent taħt il-Konvenzjoni ta’ Aarhus u taħt l-Artikoli 2(d)(iii), 3 u 6(1) tar-Regolament (KE) Nru 1367/2006;
—
l-Artikoli 3 u 6 (1) tar-Regolament (KE) Nru 1367/2006 huma inkompatibbli mal-Artikolu 4 (3) u (4) tal-Konvenzjoni ta’ Aarhus u jkestendu illegalment ir-raġunijiet għal rifjut tal-Artikolu 4(3) tar-Regolament (KE) Nru 1049/2001 għal informazzjoni dwar l-ambjent;
—
Il-Kummissjoni kisret l-Artikolu 6(1) tar-Regolament (KE) Nru 1367/2006 rigward l-interpretazzjoni restrittiva tal-eċċezzjonijiet għar-regola ewlenija ta’ żvelar, fir-rigward tal-obbligu tal-ibbilanċjar tal-interessi u dwar ir-“regola ta’ emissjonijiet”.
2.
It-tieni motiv, ibbażat fuq il-ksur tal-Artikolu 4(3) tar-Regolament (KE) Nru 1049/2001.
—
Il-motiv ta’ rifjut tal-Artikolu 4 (3), l-ewwel paragrafu, tar-Regolament (KE) Nru 1049/2001 ma japplikax għad-dokumenti mitluba;
—
L-iżvelar tad-dokumenti mitluba ma jippreġudikax serjament il-proċess deċiżjonali tal-Kummissjoni;
—
Ksur tal-Artikolu 4(3) tar-Regolament (KE) Nru 1049/2001 fejn il-Kummissjoni ma bbilanċjatx korrettement l-interessi protetti minn nuqqas ta’ żvelar kontra l-interess pubbliku għall-iżvelar tad-dokumenti kkonċernati.
3.
It-tielet motiv, ibbażat fuq il-ksur tal-Artikolu 7(1) u (3) u l-Artikolu 8 (1) u (2) tar-Regolament (KE) Nru 1049/2001.
4.
Ir-raba’ motiv, fir-rigward tal-azzjoni għad-danni taħt l-Artikolu 340 TFUE, jallega l-ksur mill-Kummissjoni tal-Artikolu 7(1) u (3) u tal-Artikolu 8(1) u (2) tar-Regolament (KE) Nru 1049/2001.
(1) Regolament (KE) Nru 1367/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tas- 6 ta’ Settembru 2006, dwar l-applikazzjoni għall-istituzzjonijiet u l-korpi tal-Komunità tad-disposizzjonijiet tal-Konvenzjoni ta’ Aarhus dwar l-Aċċess għall-Informazzjoni, il-Parteċipazzjoni tal-Pubbliku fit-Teħid ta’ Deċiżjonijiet u l-Aċċess għall-Ġustizzja fi Kwistjonijiet Ambjentali (ĠU L 264, p. 13)
(2) Regolament (KE) Nru 1049/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-30 ta’ Mejju 2001, dwar l-aċċess pubbliku għad-dokumenti tal-Parlament Ewropew, tal-Kunsill u tal-Kummissjoni (ĠU L 145, p. 43).
(3) Konvenzjoni dwar l-aċċess għall-informazzjoni, il-parteċipazzjoni pubblika fit-teħid ta’ deċiżjonijiet u l-aċċess għall-ġustizzja fi kwistjonijiet ambjentali, iffirmata f’Aarhus fil-25 ta’ Ġunju 1998 u approvata, f’isem il-Komunità Ewropea permezz tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2005/370/KE, tas-17 ta’ Frar 2005 (ĠU L 124, p. 1).
Full & Egal Universal Law Academy