28.9.2015
MT
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea
C 320/45
Rikors ippreżentat fil-5 ta’ Awwissu 2015 – AlzChem vs Il-Kummissjoni
(Kawża T-451/15)
(2015/C 320/63)
Lingwa tal-kawża: l-Ingliż
Partijiet
Rikorrenti: AlzChem AG (Trostberg, il-Ġermanja) (rappreżentant: A. Borsos, avukat)
Konvenuta: Il-Kummissjoni Ewropea
Talbiet
—
tiddikjara li r-rikors huwa ammissibbli u fondat;
—
tannulla d-Deċiżjoni tal-Kummissjoni Ewropea Ares (2015) 2176662, tas-26 ta’ Mejju 2015, meħuda skont l-Artikolu 4 tar-Regoli ta’ Implementazzjoni tar-Regolament (KE) Nru 1049/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-30 ta’ Mejju 2001, dwar l-aċċess pubbliku għad-dokumenti tal-Parlament Ewropew, tal-Kunsill u tal-Kummissjoni, bi tweġiba għall-applikazzjoni bin-numru GESTDEM 2015/1640; u
—
tikkundanna lill-Kummissjoni tħallas l-ispejjeż tar-rikorrenti.
Motivi u argumenti prinċipali
Insostenn tar-rikors tagħha, ir-rikorrenti tinvoka tliet motivi.
1.
L-ewwel motiv, ibbażat fuq żball ta’ liġi u fuq żball manifest ta’ evalwazzjoni fir-rigward tal-applikazzjoni ta’ preżunzjoni ġenerali bħala reazzjoni għall-eċċezzjoni dwar il-protezzjoni tal-iskop ta’ investigazzjonijiet tal-Unjoni. Ir-rikorrenti tinvoka l-iżbalji segwenti:
—
l-iżball ta’ liġi min-naħa tal-Kummissjoni fir-rigward tal-applikazzjoni tal-eċċezzjonijiet ġenerali;
—
l-iżball ta’ liġi min-naħa tal-Kummissjoni fir-rigward tal-protezzjoni tal-iskop ta’ investigazzjonijiet;
—
l-iżball ta’ liġi u l-iżball manifest ta’ evalwazzjoni min-naħa tal-Kummissjoni fir-rigward tal-evalwazzjoni tal-interess pubbliku akbar li jiġi żgurat stħarriġ ġudizzjarju effettiv (Artikolu 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea); u
—
l-iżball ta’ liġi min-naħa tal-Kummissjoni fir-rigward tal-applikazzjoni tad-dritt fundamentali ta’ access għal dokumenti (Artikolu 42 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea).
2.
It-tieni motiv, ibbażat fuq żball ta’ liġi u fuq żball manifest ta’ evalwazzjoni fir-rigward tal-applikazzjoni tal-eċċezzjoni dwar il-protezzjoni tal-interessi kummerċjali.
3.
It-tielet motiv, ibbażat fuq nuqqas ta’ motivazzjoni fir-rigward tar-rifjut ta’ aċċess għal verżjoni mhux kunfidenzjali jew ta’ aċċess fil-post għad-dokumenti.
Full & Egal Universal Law Academy