28.9.2015
MT
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea
C 320/49
Rikors ippreżentat fil-11 ta’ Awwissu 2015 – Asia Leader International (Cambodia) vs Il-Kummissjoni
(Kawża T-462/15)
(2015/C 320/67)
Lingwa tal-kawża: l-Ingliż
Partijiet
Rikorrenti: Asia Leader International (Cambodia) Co. Ltd (Tain Seng SEZ, il-Kambodja) (rappreżentant: R. MacLean, Solicitor, u A. Bochon, avukat)
Konvenuta: Il-Kummissjoni Ewropea
Talbiet tar-rikorrenti
—
tiddikjara r-rikors ammissibbli;
—
tannulla l-Artikolu 1(1) u (3) tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni li jestendi d-dazju antidumping definittiv impost mir-Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 502/2013, tad-29 ta’ Mejju 2013, fuq importazzjonijiet ta’ roti li joriġinaw mir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina għal fuq importazzjonijiet ta’ roti kkonsenjati mill-Kambodja, mill-Pakistan u mill-Filippini, kemm jekk iddikjarati li joriġinaw mill-Kambodja, mill-Pakistan u mill-Filippini kif ukoll jekk le (ĠU L 122, p. 4) sa fejn jirrigwarda lir-rikorrenti;
—
tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż;
—
tikkundanna lill-partijiet intervenjenti kollha sabiex ibatu l-ispejjeż tar-rikorrenti marbuta ma’ tali intervent kif ukoll l-ispejjeż tagħhom stess.
Motivi u argumenti prinċipali
Insostenn tar-rikors tagħha, ir-rikorrenti tinvoka tliet motivi.
1.
L-ewwel motiv ibbażat fuq il-ksur tal-Artikolu 13(1) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nruo1225/2009, tat-30 ta’ Novembru 2009, dwar il-protezzjoni kontra l-importazzjonijiet li huma l-oġġett ta’ dumping minn pajjiżi mhux membri tal-Komunità Ewropea, ikkawżat minn żball manifest ta’ evalwazzjoni, fid-dritt u fil-fatt, imwettaq mill-Kummissjoni għal dak li jirrigwarda l-konstatazzjoni ta’ evażjoni u tan-natura tad-data disponibbli.
—
Ir-rikorrenti tqis li l-Kummissjoni ma għandha l-ebda prova li ssostni l-konklużjoni tagħha dwar l-oriġini Ċiniża tal-oqfsa tar-roti inkwistjoni.
—
Ir-rikorrenti ssostni li, għal kuntrarju, il-provi kollha li hija pproduċiet juru li dawn l-oqfsa tar-roti ġejjin mill-Vjetnam.
—
Fl-aħħar nett, skont ir-rikorrenti, il-Kummissjoni ma għandhiex is-setgħa la abbażi tar-Regolament Nruo1225/2009 u lanqas abbażi tal-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja sabiex sempliċement tikkonkludi, awtomatikament, li r-rikorrenti kienet tittrasborda prodotti ta’ oriġini Ċiniża.
2.
It-tieni motiv huwa bbażat fuq il-ksur tal-obbligu tad-diliġenza u fuq il-ksur tal-Artikolu 13(2) tar-Regolament (KE) Nru 1225/2009 ikkawżat minn żball manifest ta’ evalwazzjoni, fid-dritt u fil-fatt, imwettaq mill-Kummissjoni għal dak li jirrigwarda l-eżistenza ta’ operazzjonijiet ta’ assemblaġġ imwettqa mir-rikorrenti.
—
Ir-rikorrenti ssostni li l-Kummissjoni kellha tuża l-informazzjoni u d-data reali mogħtija mir-rikorrenti sabiex l-evalwazzjoni tagħha dwar is-sitwazzjoni ta’ din tal-aħħar ikollha bażi. F’dan ir-rigward, l-użu ta’ parametri ta’ referenza għal terzi ma jkunx awtorizzat fejn spjegazzjonijiet raġonevoli u ġġustifikati huma pprovduti permezz ta’ data reali.
—
Barra minn hekk ir-rikorrenti tqis li l-Kummissjoni ppreġudikat l-obbligu ta’ evalwazzjoni korretta tal-ispejjeż ta’ produzzjoni tagħha meta hija kklassifikat mill-ġdid il-partijiet użati għall-produzzjoni tal-ewwel bejgħ tar-rikorrenti fis-suq tal-Unjoni Ewropea bħala li ġejjin miċ-Ċina, meta huma kienu joriġinaw mill-Vjetnam. B’dan il-mod, il-Kummissjoni ppreġudikat ukoll l-obbligu tagħha tad-diliġenza.
—
Barra minn hekk, ir-rikorrenti tqis li l-Kummissjoni għamlet kalkolu żbaljat tal-ispejjeż tal-kiri u tal-enerġija billi użat, b’mod inkorrett, diversi fatturi fl-allokazzjoni tagħhom. L-istess żball ta’ kalkolu allegatament seħħ meta l-Kummissjoni kkalkolat li l-impriża kienet qed topera 13 % tal-kapaċitajiet ta’ produzzjoni tagħha matul il-perijodu rilevanti.
—
Finalment, skont ir-rikorrenti, il-Kummissjoni rrifjutat milli tieħu inkunsiderazzjoni l-ispejjeż kollha tad-depprezzar tal-assi fissi, minkejja l-fatt li r-rikorrenti kienet ipprovdiet prova tal-fatt li l-azzjonist tal-kumpannija kien irrimborsat minnha.
3.
It-tielet motiv huwa bbażat fuq il-fatt li l-Kummissjoni naqset milli tieħu inkunsiderazzjoni, kif xieraq, l-informazzjoni u d-data pprovduta mir-rikorrenti bħala risposta għal komunikazzjoni tal-konklużjonijiet finali, bi ksur tal-Artikolu 18(3) tar-Regolament Nruo1225/2009.
—
Ir-rikorrenti ssostni li l-fatt li l-informazzjoni addizzjonali kollha li hija pprovdiet kienet ġiet injorata mill-Kummissjoni juri li din tal-aħħar ma kinitx ittieħdet inkunsiderazzjoni kif xieraq.
—
Ir-rikorrenti tqis li l-provi u l-informazzjoni addizzjonali li hija pprovdiet sabiex tikkontesta l-konstatazzjoni tat-trasbord tal-Kummissjoni kienu ġejjin minn sorsi indipendenti differenti.
—
Finalment, ir-rikorrenti tinvoka l-fatt li, fl-assenza tal-provi jew tal-indikazzjoni ta’ oriġini Ċiniża tal-oqfsa tar-roti, il-Kummissjoni kellha tikkonkludi li l-provi kienu jissuġġerixxu li dawn il-partijiet kienu joriġinaw mill-Vjetnam.
Full & Egal Universal Law Academy