19.10.2015
MT
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea
C 346/32
Appell ippreżentat fit-13 ta’ Awwissu 2015 mis-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna (SEAE) mis-sentenza mogħtija fit-3 ta Ġunju 2015 mit-Tribunal għas-Servizz Pubbliku fil-Kawża 78/14, Gross vs SEAE
(Kawża T-472/15 P)
(2015/C 346/38)
Lingwa tal-kawża: il-Franċiż
Partijiet
Appellanti: Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna (SEAE) (rappreżentanti: S. Marquardt u M. Silva, aġenti)
Parti oħra fil-proċedura: Philipp Oliver Gross (Brussell, il-Belġju)
Talbiet
L-appellanti titlob lill-Qorti Ġenerali jogħġobha:
—
tannulla s-sentenza tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku tal-Unjoni Ewropea (It-Tielet Awla) tat-3 ta’ Ġunju 2015 fil-kawża F-78/14 (Gross vs SEAE);
—
tilqa’ t-talbiet imressqa mill-appellanti fl-ewwel istanza fuq l-appell;
—
tikkundanna lill-konvenut fl-appell għall-ispejjeż.
Aggravji u argumenti prinċipali
Insostenn tal-appell tagħha, l-appellanti tinvoka seba’ aggravji.
—
Dwar is-sistema ta’ klassifikazzjoni
1
L-ewwel aggravju bbażat fuq il-ksur tal-Artikolu 43 tar-Regolamenti tal-Persunal tal-Unjoni Ewropea (iktar ‘il quddiem ir-“Regolamenti”), tar-regoli fil-qasam tat-tqassim tal-oneru tal-prova, il-projbizzjoni li tittieħed deċiżjoni ultra petita u tad-drittijiet tad-difiża tal-appellanti.
2
It-tieni aggravju bbażat fuq il-ksur tal-limiti tal-istħarriġ ġudizzjarju. L-appellanti ssostni li, fis-sentenza kkontestata, f’diversi okkażjonijiet, it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku (iktar ‘il quddiem it-“TSP”) imur lil hinn mill-limiti tal-istħarriġ tiegħu, u jidher li jixtieq li jimponi fuqha li tadotta sistema ta’ klassifikazzjoni speċifika.
3
It-tielet aggravju bbażat fuq żball ta’ liġi dwar in-nuqqas ta’ oġġettività ta’ sistema ta’ evalwazzjoni li ma tistax tiġi stmata u ksur tal-Artikolu 43 tar-Regolamenti.
4
Ir-raba’ aggravju bbażat fuq ksur tal-Artikolu 266 TFUE, peress li, meta annulla d-deċiżjoni kkontestata, it-TSP kien jagħmilha impossibbli li tiġi eżegwita s-sentenza kkontestata mingħajr ma jiġu kkawżati illegalitajiet oħra. L-appellanti ssostni li jekk l-Artikolu 4 tad-deċiżjoni kkontestata huwa illegali, analiżi komparattiva ġdida tal-merti tal-konvenut ma’ dawk ta’ uffiċjali oħra li jistgħu jiġu promossi fil-grad tiegħu għandu jsir fl-eżekuzzjoni tas-sentenza kkontestata bbażata fuq rapporti ta’ klassifikazzjonijiet li, skont dak li kien ikkunsidrat mit-TSP, ma tippermettix li din l-analiżi titwettaq fuq bażi oġġettiva u kumparabbli.
—
Dwar is-sistema ta’ promozzjonijiet
5
Il-ħames motiv ibbażat fuq il-ksur tal-projbizzjoni li tittieħed deċiżjoni ultra petita u tad-drittijiet tad-difiża tal-appellanti.
6
Is-sitt motiv ibbażat fuq il-ksur tar-regoli fil-qasam tat-tqassim tal-oneru tal-prova.
7
Is-seba’ motiv ibbażat fuq żball ta’ liġi dwar il-ksur mill-appellanti tal-Artikolu 45 tar-Regolamenti.
Full & Egal Universal Law Academy