9.11.2015
MT
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea
C 371/25
Rikors ippreżentat fl-20 ta’ Awwissu 2015 – KV vs EACEA
(Kawża T-484/15)
(2015/C 371/28)
Lingwa tal-kawża: l-Ingliż
Partijiet
Rikorrenti: KV (Ateni, il-Greċja) (rappreżentant: S. Pappas, avukat)
Konvenuta: L-Aġenzija Eżekuttiva għall-Edukazzjoni, l-Awdjoviżiv u l-Kultura
Talbiet
—
tannulla d-Deċiżjoni EACEA/MH/OG/OKRAPF15D013150 tal-Kap tad-Diviżjoni tal-Aġenzija Eżekuttiva għall-Edukazzjoni, l-Awdjoviżiv u l-Kultura dwar l-iffinanzjar tal-Ftehim Nru 519177-LLP-1-2011-1-GR-KA3-KA3NW fir-rigward tal-proġett “L-iffaċilitar u l-promozzjoni tal-kompetenza diġitali permezz ta’ proġett ta’ volontarjat”;
—
tikkundanna lill-konvenuta għall-ispejjeż.
Motivi u argumenti prinċipali
Insostenn tar-rikors tagħha, ir-rikorrenti tinvoka żewġ motivi.
1.
L-ewwel motiv, ibbażat fuq żball manifest ta’ evalwazzjoni
—
Id-deċiżjoni kkontestata hija vvizzjata bi żball manifest ta’ evalwazzjoni fid-distinzjoni bejn is-servizz “abitwali” u “addizzjonali” pprovdut mis-soċji/mill-azzjonisti tul il-proġett inkwistjoni, sa fejn l-Aġenzija Eżekuttiva għall-Edukazzjoni, l-Awdjoviżiv u l-Kultura (EACEA) ma ħaditx manifestament inkunsiderazzjoni n-natura tas-servizzi pprovduti mis-soċji, ir-rieda manifesta tal-assemblea ġenerali tar-rikorrenti sabiex jiġu indirizzati u rregolati tali servizzi billi qieset li dawn jikkostitwixxu kategorija distinta li ma kinitx taqa’ taħt id-dispożizzjonijiet tal-Istatuti, u ċ-ċirkustanza li s-servizzi pprovduti mis-soċji fil-proġett inkwistjoni jissodisfaw ir-rekwiżiti kollha tal-imsemmija deċiżjoni tal-assemblea ġenerali.
2.
It-tieni motiv, ibbażat fuq it-tieni żball manifest ta’ evalwazzjoni
—
Id-deċiżjoni kkontestata hija vvizzjata bi żball manifest ta’ evalwazzjoni għal dak li jirrigwarda l-motivazzjoni tad-deċiżjoni dwar ir-rabta ta’ subordinazzjoni bejn is-soċji/l-azzjonisti u r-rikorrenti, li l-eżistenza tagħha ġiet stabbilita b’mod ċar mill-provi prodotti mill-EACEA.
Full & Egal Universal Law Academy