9.11.2015
MT
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea
C 371/27
Appell ippreżentat fit-28 ta’ Awwissu 2015 minn CX mis-sentenza mogħtija fit-18 ta’ Ġunju 2015 mit-Tribunal għas-Servizz Pubbliku fil-Kawża F-27/13, CX vs Il-Kummissjoni
(Kawża T-496/15 P)
(2015/C 371/30)
Lingwa tal-kawża: il-Franċiż
Partijiet
Appellanti: CX (Enghien, il-Belġju) (rappreżentant: É. Boigelot, avukat)
Parti oħra fil-proċedura: Il-Kummissjoni Ewropea
Talbiet
L-appellanti titlob lill-Qorti Ġenerali jogħġobha:
—
tiddikjara l-appell tagħha ammissibbli u fondat;
—
konsegwentement, tannulla s-sentenza tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku tal-Unjoni Ewropea (L-Ewwel Awla) tat-18 ta’ Ġunju 2015, li ġiet innotifika fl-istess jum li fih ingħatat, fil-Kawża F-27/13; u
—
tiddeċiedi hija stess il-kawża u tilqa’ t-talbiet inizjali tal-appellanti u għalhekk, tilqa’ t-talbiet ippreżentati fl-ewwel istanza, bl-esklużjoni ta’ kull talba ġdida;
—
fi kwalunkwe każ, tikkundanna lill-konvenuta għall-ispejjeż kollha.
Aggravji u argumenti prinċipali
Insostenn tal-appell tagħha, l-appellanti tinvoka tliet aggravji.
1.
L-ewwel aggravju huwa bbażat fuq ksur tad-drittijiet tad-difiża u tan-nuqqas ta’ teħid inkunsiderazzjoni tagħhom mit-Tribunal għas-Servizz Pubbliku (iktar ’il quddiem it-“TSP”), tan-nuqqas ta’ korrettezza tal-fatti allegati, tar-rifjut kemm tal-Kummissjoni kif ukoll tat-TSP li jwettqu l-verifikazzjonijiet indispensabbli sabiex tiġi stabbilita l-verità, u tal-iżbalji manifesti ta’ evalwazzjoni.
2.
It-tieni aggravju huwa bbażat fuq ksur tal-Artikoli 4 u 6 tar-Regolamenti tal-Persunal tal-Unjoni Ewropea (iktar ’il quddiem ir-“Regolamenti”) u tal-Artikolu 9 tal-Anness IX tar-Regolamenti tal-Persunal, sa fejn it-TSP irrikonoxxa li l-Awtorità tal-Ħatra kompetenti ma għandhiex il-poter li tissanzjona l-uffiċjal ikkonċernat billi tattribwixxi direttament, fir-rigward tiegħu, “klassifikazzjoni” fi grad determinat, iżda għandha l-poter esklużiv li tiżgradah, madankollu huwa ma silitx il-konsegwenzi ta’ dan b’mod korrett.
3.
It-tielet aggravju huwa bbażat fuq ksur tal-prinċipju ta’ proporzjonalità u ta’ żbalji manifesti ta’ evalwazzjoni.
Full & Egal Universal Law Academy