19.10.2015
MT
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea
C 346/35
Rikors ippreżentat fil-31 ta’ Awwissu 2015 – Il-Pajjiżi l-Baxxi vs Il-Kummissjoni
(Kawża T-501/15)
(2015/C 346/40)
Lingwa tal-kawża: l-Olandiż
Partijiet
Rikorrent: Ir-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi (rappreżentanti: M. Bulterman, B. Koopman u H. Stergiou)
Konvenuta: Il-Kummissjoni Ewropea
Talbiet
—
tannulla d-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2015/1119,
—
sa fejn tirrigwarda l-korrezzjoni finanzjarja, ta’ EUR 336 064,53 (2009), ta’ EUR 403 863,66 (2010) u ta’ EUR 230 786,49 (2011), imposta mill-Kummissjoni minħabba n-nuqqas ta’ severità tas-sistema ta’ sanzjoni;
—
sa fejn tirrigwarda l-korrezzjoni finanzjarja imposta fir-rigward tal-kontroll parzjali ta’ 3 SMR fl-2009 (EUR 1 597 182, EUR 15,53 u EUR 358,20), ta’ 4 SMR fl-2010 (EUR 1 630 540,68 u EUR 6 520,50) kif ukoll ta’ 4 SMR fl-2011 (EUR 1 631 326,51), peress li l-Kummissjoni qieset li l-Pajjiżi l-Baxxi kisru l-SMR 8;
—
tikkundanna lill-Kummissjoni Ewropea għall-ispejjeż.
Motivi u argumenti prinċipali
Ir-rikorrent jitlob l-annullament parzjali tad-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2015/1119, tat-22 ta’ Ġunju 2015, li teskludi mill-finanzjament tal-Unjoni Ewropea ċertu nfiq imġarrab mill-Istati Membri skont il-Fond Agrikolu Ewropew ta’ Garanzija (FAEG) u skont il-Fond Agrikolu Ewropew għall-Iżvilupp Rurali (FAEŻR) (innotifikata taħt in-numru C(2015) 4076; ĠU L 182, p. 39).
Insostenn tar-rikors tiegħu, ir-rikorrent jinvoka żewġ motivi:
1.
L-ewwel motiv, ibbażat fuq ksur tal-Artikolu 24 tar-Regolament (KE) Nru 73/2009 (1) u tal-Artikolu 71 tar-Regolament (KE) Nru 1122/2009 (2), sa fejn il-Kummissjoni kkonkludiet, bil-kontra ta’ dawn id-dispożizzjonijiet, li s-sistema ta’ sanzjoni Olandiża ma hijiex severa;
2.
It-tieni motiv, ibbażat fuq ksur tal-Artikoli 3, 4 u 5 tar-Regolament (KE) Nru 73/2009, sa fejn il-Kummissjoni kkonkludiet, kontra dawn id-dispożizzjonijiet u kontra l-prinċipju ta’ ċertezza legali, li l-Pajjiżi l-Baxxi eżerċitaw kontroll parzjali għar-rekwiżit fil-qasam ta’ ġestjoni 8 (“SMR”) stabbilit fl-Anness II tal-istess regolament. Ir-rikorrent isostni li l-Kummissjoni tqis b’mod żbaljat li s-sistema ta’ sanzjoni Olandiża ma tissodisfax ir-rekwiżiti kollha tar-Regolament (KE) Nru 21/2004 (3) u tal-Artikoli 3, 4 u 5 iċċitati iktar ’il fuq.
(1) Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 73/2009, tad-19 ta’ Jannar 2009, li jistabbilixxi regoli komuni għal skemi ta’ appoġġ dirett għal bdiewa fi ħdan il-politika agrikola komuni u li jistabbilixxi ċerti skemi ta’ appoġġ għal bdiewa, u li jemenda r-Regolamenti (KE) Nru 1290/2005, (KE) Nru 247/2006, (KE) Nru 378/2007 u li jirrevoka ir-Regolament (KE) Nru 1782/2003 (ĠU L 30, p. 16).
(2) Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1122/2009, tat-30 ta’ Novembru 2009, li jistabbilixxi regoli dettaljati għall-implimentazzjoni tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 73/2009 fir-rigward tal-kundizzjonalità, il-modulazzjoni u s-sistema integrata ta’ amministrazzjoni u kontroll, skont l-iskemi ta’ appoġġ għall-bdiewa previsti għal dak ir-Regolament, kif ukoll għall-implimentazzjoni tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1234/2007 fir-rigward tal-kundizzjonalità skont l-iskema ta’ appoġġ prevista għas-settur tal-inbid (ĠU L 316, p. 65).
(3) Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 21/2004, tas-17 ta’ Diċembru 2003, li jistabbilixxi sistema għall-identifikazzjoni u r-reġistrazzjoni tal-ammiali [annimali] ovini u kaprini u li jemenda r-Regolament (KE) Nru 1782/2003 u d-Direttiva 91/102/KEE u 64/432/KEE (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 3, Vol. 42, p. 56).
Full & Egal Universal Law Academy