19.10.2015
MT
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea
C 346/36
Rikors ippreżentat fl-1 ta’ Settembru 2015 – Spanja vs Il-Kummissjoni
(Kawża T-502/15)
(2015/C 346/41)
Lingwa tal-kawża: l-Ispanjol
Partijiet
Rikorrent: Ir-Renju ta’ Spanja (rappreżentant: L. Banciella Rodríguez-Miñón)
Konvenuta: Il-Kummissjoni Ewropea
Talbiet
—
tannulla parzjalment id-Deċiżjoni ta’ implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2015/1119, tat-22 ta’ Ġunju 2015, li teskludi mill-finanzjament tal-Unjoni Ewropea ċertu nfiq imġarrab mill-Istati Membri skont il-Fond Agrikolu Ewropew ta’ Garanzija (FAEG) u skont il-Fond Agrikolu Ewropew għall-Iżvilupp Rurali (FAEŻR), fir-rigward tar-Renju ta’ Spanja;
—
tikkundanna lill-Kummissjoni Ewropea għall-ispejjeż.
Motivi u argumenti prinċipali
Insostenn tar-rikors tiegħu, ir-rikorrent jinvoka erba’ motivi.
Fir-rigward tal-Comunidad Autónoma de Cataluña:
1.
Il-korrezzjoni imposta b’rata fissa għal ammont nett ta’ EUR 609 337,80 u l-metodu ta’ kalkolu użat jiksru l-Artikolu 31(2) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1290/2005, tal-21 ta’ Ġunju 2005, dwar il-finanzjament tal-Politika Agrikola Komuni u l-Linji gwida tad-Dokument tal-Kummissjoni VI/5330/97, tat-23 ta’ Diċembru 1997 (Linji gwida għall-kalkolu tal-implikazzjonijiet finanzjarji fit-tħejjija tad-deċiżjoni tal-approvazzjoni tal-kontijiet tat-Taqsima Garanzija FAEGG) u tad-Dokument AGRI-64043-2005 (Communication from the Commission, on how the Commission intends in the context of the EAGGF-Guarantee clearance procedure to handle shortcomings in the context of croos-compliance control system implemented by the Member State) minħabba li ma huwiex xieraq li ssir stima b’rata fissa meta r-Renju ta’ Spanja ppreżenta stima f’waqtha tar-riskju attwali għall-fond. L-applikazzjoni magħmula mill-Kummissjoni, minbarra li hija żbaljata hija sproporzjonata u mhux ġustifikata.
2.
Is-somma kkalkolata b’rata fissa ta’ 2 % tal-korrezzjoni ġeneralment imposta b’mod ad hoc jammonta għal EUR 609 337,80 u l-metodu ta’ kalkolu, huma kuntrarji għall-Artikolu 31(2) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1290/2005, u għad-dokumenti tal-Kummissjoni dwar il-Linji gwida għall-kalkolu tal-korrezzjonijiet finanzjarji peress li ma jistgħux jużaw u jżidu żewġ metodi ta’ kalkolu simultanjament għall-istess ksur. Minbarra li din hija inkonsistenza ġuridika din hija totalment sproporzjonata u mhux ġustifikata.
3.
Il-korrezzjoni imposta għas-sena 2009, sena finanzjarja 2011u 2012, tikser l-Artikolu 31(4) tar-Regolament (KE) Nru 1290/2005, tikkostitwixxi ksur tal-prinċipju ta’ kooperazzjoni leali u tikser id-drittijiet tad-difiża tar-Renju ta’ Spanja minħabba li l-Kummissjoni estendiet indebitament il-korrezzjoni finanzjarja għal perijodu sussegwenti għall-24 xahar qabel il-komunikazzjoni, meta dawn in-nuqqasijiet diġà kienu ġew ikkoreġuti mir-Renju ta’ Spanja.
Fir-rigward tal-Comunidad Autónoma de Canarias għall-motiv li ġej:
4.
Il-korrezzjoni imposta b’rata fissa fl-ammont ta’ EUR 1 689 689,03 u l-metodu ta’ kalkolu użat, huma kuntrarji għall-Artikolu 31(2) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1290/2005 u għal-Linji gwida tad-dokument tal-Kummissjoni AGRI/D/40474/2010-REV 1.
Full & Egal Universal Law Academy