16.11.2015
MT
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea
C 381/47
Rikors ippreżentat fit-2 ta’ Settembru 2015 – L-Ungerija vs Il-Kummissjoni
(Kawża T-505/15)
(2015/C 381/57)
Lingwa tal-kawża: l-Ungeriż
Partijiet
Rikorrenti: L-Ungerija (rappreżentanti: Z. Fehér, G. Koós u A. Pálfy, aġenti)
Konvenuta: Il-Kummissjoni Ewropea
Talbiet
—
tannulla parzjalment id-Deċiżjoni ta’ Implementazzjoni tal-Kummissjoni (UE) C (2015) 4076, tat-22 ta’ Ġunju 2015, li permezz tagħha huma esklużi mill-finanzjament tal-Unjoni Ewropea ċerti spejjeż imwettqa mill-Istati Membri fil-kuntest tal-Fond Agrikolu Ewropew dwar Gwida u Garanzija (FAEGG) u tal-Fond Agrikolu Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali (FAEŻR), sa fejn tipprovdi, fir-rigward tal-Ungerija, li l-ammont ta’ EUR 6 3 24 349,33 għandu jiġi eskluż mill-finanzjament tal-Unjoni Ewropea b’konnessjoni mal-verifika tal-kundizzjonalità;
—
tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż.
Motivi u argumenti prinċipali
Insostenn tar-rikors tagħha, ir-rikorrenti tikkontesta l-konstatazzjonijiet tal-Kummissjoni.
Skont ir-rikorrenti, il-Kummissjoni indikat li, konformement mal-prinċipji bażiċi li jirregolaw il-verifika tal-ammissibbiltà, għandhom jitqiesu bħala nuqqasijiet fundamentali fil-kuntest ta’ verifika kemm is-sanzjonijiet li ma jkunux imposti minħabba li l-verifiki dwar l-art marbuta mal-kundizzjonalità (ir-rekwiżiti legali ta’ ġestjoni u l-kundizzjonijiet agrikoli u ambjentali tajbin) ma jkunux twettqu, jew inkella jkunu twettqu b’mod mhux korrett, u kemm is-sanzjonijiet previsti fid-dispożizzjonijiet normattivi li iżda ma jkollhomx il-forza dissważiva tagħhom minħabba li ma jkunux ġew applikati jew minħabba li jkunu ġew applikati b’mod żbaljat. Il-Kummissjoni żiedet li, fil-każ tal-hekk imsejħa “nuqqasijiet minuri”, previsti fl-Artikolu 24(2) tar-Regolament (KE) Nru 73/2009, l-awtoritajiet Ungeriżi applikaw marġni ta’ tolleranza li wassal sabiex ma ġewx imposti sanzjonijiet u sabiex ma ttieħdux inkunsiderazzjoni, kuntrarjament għad-dritt tal-Unjoni, l-aspetti marbuta mas-saħħa tal-bniedem u tal-annimali.
Full & Egal Universal Law Academy