26.10.2015
MT
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea
C 354/50
Rikors ippreżentat fit-2 ta’ Settembru 2015 – Franza vs Il-Kummissjoni
(Kawża T-518/15)
(2015/C 354/61)
Lingwa tal-kawża: il-Franċiż
Partijiet
Rikorrenti: Ir-Repubblika Franċiża (rappreżentanti: G. De Bergues, D. Colas, R. Coesme u A. Daly, aġenti)
Konvenuta: Il-Kummissjoni Ewropea
Talbiet
Ir-rikorrenti titlob lill-Qorti Ġenerali jogħġobha:
—
tannulla parzlament id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni C(2015) 4076 Finali, tat-22 ta’ Ġunju 2015, li tneħħi mill-finanzjament tal-Unjoni Ewropea ċertu nfiq inwettaq mill-Istati Membri taħt il-Fond Agrikolu Ewropew ta’ Garanzija (FAEG) u taħt il-Fond Agrikolu Ewropew għall-Iżvilupp Rurali (FAEŻR), sa fejn hija tneħħi mill-finanzjament tal-Unjoni l-infiq imwettaq mir-Repubblika Franċiża fil-kuntest tal-għajnuna Indennizz kumpensatorju għal żvantaġġi naturali u għal premjum tal-bdiewa agroambjentali dwar it-tieni livell tal-programm għall-iżvilupp rurali eżagonali taħt is-snin finanzjarji 2011, 2012 u 2013 għall-ammont tal-għajnuna mħallsa għat-talbiet magħmula għas-snin 2011, 2012 u 2013;
—
sussidjarjament, tannulla parzjalment din id-deċiżjoni sa fejn hija tinkludi fil-bażi tal-korrezzjoni fissa l-infiq relatat mal-bovini u mal-mogħoż li għalihom ma saritx talba għal għajnuna għall-annimali;
—
iktar sussidjarjament, tannulla parzjalment din id-deċiżjoni sa fejn hija tapplika korrezzjoni fissa miżjuda b’10 % minħabba li n-nuqqas ikkontestat lill-awtoritajiet Franċiżi fil-qasam tal-għadd tal-annimali kien rikorrenti;
—
tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż.
Motivi u argumenti prinċipali
Insostenn tar-rikors tagħha, ir-rikorrenti tinvoka tliet motivi.
1.
L-ewwel motiv ibbażat fuq ksur tal-Artikoli 4(1), 10(1) u 14(2) tar-Regolament (UE) Nru 65/2011 (1), kif ukoll tal-Artikolu 11(2) tar-Regolament (UE) Nru 885/2006 (2), peress li l-Kummissjoni qieset li r-rikorrenti kienet naqset milli twettaq l-obbligi tagħha fil-qasam tal-kontroll tar-rata ta’ addebitu għaliex hija ma kinitx wettqet l-għadd tal-annimali matul il-kontroli fil-post u għaliex l-annimali ma kinux “suġġetti għal kalkolu ta’ plawżibbiltà” matul il-kontrolli fil-post.
2.
It-tieni motiv, invokat sussidjarjament, ibbażat fuq il-fatt li, fid-deċiżjoni kontenzjuża tagħha, il-Kummissjoni inkludiet illegalment fil-bażi tal-korrezzjoni fissa l-infiq relatat mal-ovini u mal-mogħoż li għalihom ma kinitx saret talba għal għajnuna għall-annimali.
3.
It-tielet motiv, invokat iktar sussidjarjament, ibbażat fuq ksur tar-regoli stabbiliti fl-Anness 2 tad-Dokument VI/5330/97 (3) u mill-Komunikazzjoni AGRI/60637/2006 (4), peress li l-Kummissjoni applikat korrezzjoni fissa miżjuda b’10 % minħabba li n-nuqqas ikkontestat lill-awtoritajiet Franċiżi fil-qasam tal-għadd tal-annimali kien rikorrenti.
(1) Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 65/2011, tas-27 ta’ Jannar 2011, li jistabbilixxi regoli dettaljati għall-implimentazzjoni tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1698/2005, dwar l-implimentazzjoni ta’ proċeduri ta’ kontroll kif ukoll kundizzjonalità fir-rigward ta’ miżuri ta’ appoġġ għall-iżvilupp rurali (ĠU L 25, p. 8).
(2) Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 885/2006, tal-21 ta' Ġunju 2006, li jistabbilixxi regoli dettaljati għall-applikazzjoni tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1290/2005 dwar l-akkreditazzjoni tal-aġenziji tal-ħlas u ta’ korpijiet oħrajn u l-approvazzjoni tal-kontijiet tal-FAEG u tal-FAEŻR (ĠU L 171, p. 90).
(3) Dokument tal-Kummissjoni Nru VI/5330/97, tat-23 ta’ Diċembru 1997, dwar l-orjentamenti li jikkonċernaw il-kalkolu tal-konsegwenzi finanzjarji matul il-preparazzjoni tad-deċiżjoni tal-approvazzjoni tal-kontijiet tal-FAEGG-garanzija.
(4) Komunikazzjoni tal-Kummissjoni Nru AGRI/60637/2006 finali dwar it-trattament mill-Kummissjoni, fil-kuntest tal-clearance tal-kontijiet tas-sezzjoni garanzija tal-FAEGG, tal-każijiet ta’ insuffiċjenza rikorrenti fis-sistemi ta’ kontroll.
Full & Egal Universal Law Academy