26.10.2015
MT
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea
C 354/51
Appell ippreżentat fis-7 ta’ Settembru 2015 minn Filip Mikulik mis-sentenza mogħtija mit-Tribunal għas-Servizz Pubbliku fil-25 ta’ Ġunju 2015 fil-Kawża F-67/14, Mikulik vs Il-Kunsill
(Kawża T-520/15 P)
(2015/C 354/62)
Lingwa tal-kawża: il-Franċiż
Partijiet
Appellant: Filip Mikulik (Praga, ir-Repubblika Ċeka) (rappreżentant: M. Velardo, avukat)
Parti oħra fil-proċedura: Il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea
Talbiet
—
tannulla s-sentenza mogħtija fil-25 ta’ Ġunju 2015 fil-Kawża F-67/14, Filip Mikulik vs Il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea u tiddeċiedi hija stess il-kawża;
—
alternattivament, tibgħat lura l-kawża quddiem it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku;
—
tikkundanna lill-Kunsill għall-ispejjeż taż-żewġ istanzi.
Aggravji u argumenti prinċipali
Insostenn tal-appell tiegħu, l-appellant jinvoka tmien aggravji.
1.
L-ewwel aggravju bbażat fuq ksur tad-dritt tal-Unjoni u tal-prinċipji superjuri tad-dritt bħall-prinċipju ta’ amministrazzjoni tajba u l-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament, sa fejn il-Manwal ta’ Evalwazzjoni li jirrigwarda d-dispożizzjonijiet ġenerali ta’ implementazzjoni dwar l-evalwazzjoni ma huwiex applikabbli b’analoġija għall-proċedura ta’ evalwazzjoni tal-prestazzjonijiet ta’ uffiċjal bi prova matul il-ħatra tiegħu bħala uffiċjal permanenti.
2.
It-tieni aggravju bbażat fuq żnaturament tal-fatti u tal-provi, peress li t-Tribunal għas-Servizz Pubbliku (iktar ’il quddiem it-“TSP”) qies li l-kumpannija terza li konsulent tagħha kien involut fil-proċess ta’ evalwazzjoni tal-uffiċjal ma ratx kif il-pożizzjoni tiegħu setgħet tikkonsolida ruħha fi ħdan il-Kunsill.
3.
It-tielet aggravju bbażat fuq ksur tad-dritt tal-Unjoni u b’mod partikolari tal-ġurisprudenza dwar l-Artikolu 34 tar-Regolamenti tal-Persunal tal-Unjoni Ewropea (iktar ’il quddiem ir-“Regolamenti tal-Persunal”), u tad-dmir ta’ premura, peress li t-TSP qies li l-perijodu ta’ prova u l-evalwazzjoni saru f’kundizzjonijiet normali, filwaqt li l-appellant kien ġie ssupervizzat u evalwat minn konsulenti esterni u ma setax jibbenefika mill-mentoring.
4.
Ir-raba’ aggravju bbażat fuq ksur tal-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament, sa fejn il-Kunsill ma applikax f’dan il-każ ir-regoli dwar il-mentoring previsti fil-linji ta’ gwida interni.
5.
Il-ħames aggravju bbażat fuq żnaturament tal-fatti u tal-provi, peress li t-TSP qies li l-mentoring u l-micromanagement ma humiex żewġ kunċetti separati abbażi tal-linji ta’ gwida interni.
6.
Is-sitt aggravju bbażat fuq ksur tad-dritt tal-Unjoni u b’mod partikolari tal-Artikolu 34 tar-Regolamenti tal-Persunal, peress li t-TSP qies li l-assenza li tintbagħat l-ewwel opinjoni lis-superjuri ġerarkiċi ma kinitx kuntrarja għal dan l-artikolu.
7.
Is-seba’ aggravju bbażat fuq żnaturament tal-fatti u tal-provi, peress li t-TSP ma vverifikax jekk l-opinjoni tal-Kumitat tar-Rapporti kinitx intbagħtet lis-superjuri ġerarkiċi fil-ħin.
8.
It-tmien aggravju bbażat fuq ksur tal-Artikolu 34 tar-Regolamenti tal-Persunal, peress li t-TSP qies li huwa ma setax jissostitwixxi lill-istituzzjoni fl-evalwazzjoni tal-prestazzjonijiet tal-appellant.
Full & Egal Universal Law Academy