9.11.2015
MT
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea
C 371/34
Rikors ippreżentat fis-7 ta’ Settembru 2015 – NICO vs Il-Kunsill
(Kawża T-524/15)
(2015/C 371/35)
Lingwa tal-kawża: l-Ingliż
Partijiet
Rikorrenti: Naftiran Intertrade Co. (NICO) Sàrl (Pully, l-Isvizzera) (rappreżentanti: J. Grayston, P. Gjørtler, G. Pandey, u D. Rovetta, avukati)
Konvenut: Il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea
Talbiet
Ir-rikorrenti titlob lill-Qorti Ġenerali jogħġobha:
—
tordna lill-Kunsill, bħala miżuri ta’ organizzazzjoni tal-proċedura, jiżvela l-verżjoni sħiħa tal-Anness 1 tad-dokument 7228/14 EXT 1 tat-23 ta’ Jannar 2015 dwar “I/A ITEM NOTE” mis-Segretarjat Ġenerali tal-Kunsill lill-Kumitat tar-Rappreżentanti Permanenti kif ukoll kull dokument ieħor li jikkonċerna lir-rikorrenti,
—
tannulla d-deċiżjoni tal-Kunsill li tinsab fl-ittra tas-26 ta’ Ġunju 2015, indirizzata lill-avukati tar-rikorrenti, dwar ir-reviżjoni tal-lista ta’ persuni u entitajiet innominati fl-Anness II tad-Deċiżjoni tal-Kunsill Nru 2010/413/PESK (1) dwar miżuri restrittivi kontra l-Iran, kif emendata mid-Deċiżjoni tal-Kunsill Nru 2012/635/PESK tal-15 ta’ Ottubru 2012, u fl-Anness IX għar-Regolament (UE) Nru 267/2012 (2) dwar miżuri restrittivi kontra l-Iran, kif implementat bir-Regolament ta’ Implementazzjoni tal-Kunsill (UE) Nru 945/2012 tal-15 ta’ Ottubru 2012, sa fejn id-deċiżjoni kkontestata tikkostitwixxi rifjut li tneħħi lir-rikorrenti mil-lista ta’ persuni u entitajiet suġġetti għall-miżuri restrittivi,
—
tikkundanna lill-Kunsill għall-ispejjeż.
Motivi u argumenti prinċipali
Insostenn tar-rikors tagħha, ir-rikorrenti tinvoka erba’motivi.
1.
L-ewwel motiv ibbażat fuq ksur tad-drittijiet tad-difiża u d-dritt għal smiegħ, ksur tal-Artikolu 41 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali, u ksur tal-prinċipju ta’ amministrazzjoni tajba
—
Ir-rikorrenti matul il-proċedura ta’ reviżjoni għadha kemm ġiet informata li deċiżjoni negattiva kontra tagħha kienet diġà ġiet adottata mill-Kunsill. Ma ngħatat l-ebda possibbiltà li tikkummenta u tirrikorri għad-drittijiet tad-difiża tagħha. Minflok, ingħatat biss terminu sabiex tingħat kummenti li, mhux talli ma humiex ser jittieħdu inkunsiderazzjoni qabel ma jieħu deċiżjoni, imma l-Kunsill ser jeżaminahom biss fi proċess amministrattiv separat ta’ tneħħija mil-lista u reviżjoni fil-futur.
2.
It-tieni motiv ibbażat fuq nuqqas ta’ motivazzjoni
—
Id-deċiżjoni ta’ reviżjoni ma għandhiex motivazzjoni xierqa li tippermetti lir-rikorrenti tifhem għaliex l-applikazzjoni amministrattiva tagħha għal tneħħija mil-lista ġiet irrifjutata.
3.
It-tielet motiv ibbażat fuq żball manifest ta’ evalwazzjoni u ksur tal-forom proċedurali u sostantivi essenzjali
—
Il-Kunsill ibbaża ruħu b’mod ċar fuq dokumenti u evidenza marbuta ma’ fażijiet preċedenti tal-proċedimenti amministrattivi sabiex jiġġustifika d-deċiżjoni kkontestata.
4.
Ir-raba’ motiv, ibbażat fuq ksur tar-rekwiżiti proċedurali u sostantivi essenzjali, ksur tal-Artikolu 41 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali, u nuqqas ta’ kompetenza tal-persuna li tiffirma d-deċiżjoni kkontestata.
—
L-ittra tal-Kunsill ikkontestata tas-26 ta’ Ġunju 2015 li tinkludi d-deċiżjoni sabiex ma jsirx tneħħija mil-lista hija vvizzjata formalment. Difetti bħal dawn fil-forma tal-att inkwistjoni jagħtu wkoll lok għal ksur sostanzjali tad-drittijiet tar-rikorrenti.
(1) Deċiżjoni tal-Kunsill tas-26 ta’ Ġunju 2010 dwar miżuri restrittivi kontra l-Iran u li tħassar il-Pożizzjoni Komuni Nru 20017/140/PESK (ĠU 2010 L 195, p. 39).
(2) Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 267/2012 tat-23 ta’ Marzu 2012 dwar miżuri restrittivi kontra l-Iran li jħassar ir-Regolament (UE) Nru 961/2010 (ĠU 2012 L 88, p. 1).
Full & Egal Universal Law Academy