9.11.2015
MT
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea
C 371/36
Rikors ippreżentat fis-7 ta’ Settembru 2015 – HK Intertrade vs Il-Kunsill
(Kawża T-526/15)
(2015/C 371/37)
Lingwa tal-kawża: l-Ingliż
Partijiet
Rikorrenti: HK Intertrade Co. Ltd (Wanchai, Hong Kong) (rappreżentanti: J. Grayston, P. Gjørtler, G. Pandey, and D. Rovetta, avukati)
Konvenut: Il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea
Talbiet
—
tannulla d-Deċiżjoni tal-Kunsill (PESK) 2015/1008, tal-25 ta’ Ġunju 2015, li temenda d-Deċiżjoni 2010/413/PESK dwar miżuri restrittivi kontra l-Iran (ĠU 2015 L 161, p. 19) kif ukoll ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) 2015/1001, tal-25 ta’ Ġunju 2015, li jimplimenta r-Regolament (UE) Nru 267/2012 dwar miżuri restrittivi kontra l-Iran (ĠU 2015 L 161, p. 1), sa fejn dawn l-atti jinkludu lir-rikorrenti fil-kategorija ta’ persuni u entitajiet suġġetti għall-miżuri restrittivi,
—
tannulla d-Deċiżjoni tal-Kunsill li tinsab fl-ittra tas-26 ta’ Ġunju 2015, indirizzata lill-avukati tar-rikorrenti, li tirrigwarda l-eżami mill-ġdid tal-lista ta’ persuni u entitajiet imsemmija fl-Anness II tad-Deċiżjoni 2010/413/PESK u fl-Anness IX tar-Regolament (UE) Nru 267/2012, sa fejn din id-deċiżjoni tikkostitwixxi rifjut biex ir-rikorrenti titneħħa mil-lista ta’ persuni u entitajiet suġġetti għall-miżuri restrittivi,
—
tikkundanna lill-Kunsill għall-ispejjeż.
Motivi u argumenti prinċipali
Insostenn tar-rikors tagħha, ir-rikorrenti tinvoka erba’ motivi.
1.
L-ewwel motiv, ibbażat fuq motivazzjoni insuffiċjenti
—
Id-deċiżjoni tas-26 ta’ Ġunju 2015 (id-“deċiżjoni ta’ eżami mill-ġdid ikkontestata”) serviet ukoll bħala ittra ta’ notifika tad-Deċiżjoni tal-Kunsill (PESK) 2015/1008 u tar-Regolament ta’ Implementazzjoni tal-Kunsill (UE) 2015/1001 (l-“atti kkontestati”), iżda l-ebda motivazzjoni ma hija mogħtija fl-ittra għall-adozzjoni tal-atti kkontestati. Barra minn hekk, il-motivazzjoni mogħtija mill-Kunsill ma tissodisfax ir-rekwiżiti ddefiniti mill-ġurisprudenza.
2.
It-tieni motiv, ibbażat fuq żball manifest ta’ evalwazzjoni
—
Għalkemm hija l-proprjetà ta’ NIOC, ir-rikorrenti tikkostitwixxi entità ġuridika distinta li hija stabbilita f’Hong Kong u hija attiva fis-suq separat tal-Asja li huwa ’l bogħod ħafna minn kull kontroll allegatament imwettaq minn NIOC fuq l-attivitajiet tar-rikorrenti.
3.
It-tielet motiv, ibbażat fuq ksur tad-drittijiet tad-difiża
—
Billi awtorizza lil Stat Membru wieħed, mhux identifikat, biex jordnalu fil-prattika li jieħu deċiżjoni mingħajr ma jeżamina ebda dokumenti rilevanti jew provi insostenn tagħha, il-Kunsill unilateralment introduċa proċedura ġdida għat-teħid ta’ deċiżjonijiet li ma għandha ebda bażi legali fl-Artikolu 215 TFUE jew x’imkien ieħor fit-trattati. Dan il-mod ta’ proċediment ifixkel il-bilanċ bejn is-setgħat ta’ investigazzjoni u ta’ teħid ta’ deċiżjonijiet tal-Kunsill u d-dritt għal protezzjoni ġudizzjarja tar-rikorrenti.
4.
Ir-raba’ motiv, ibbażat fuq ksur tad-dritt fundamentali għall-proprjetà
—
Il-Kunsill ma tax motivi b’mod sostanzjali għar-restrizzjonijiet imposti fuq ir-rikorrenti. L-inklużjoni fil-lista tar-rikorrenti, kumpannija bbażata f’Hong Kong attiva fis-suq Asjatiku, ma tista’ bl-ebda mod tikkontribwixxi għaż-żamma tal-paċi u tas-sigurtà internazzjonali u l-Kunsill ma jista’ jipproduċi ebda prova kuntrarja.
Full & Egal Universal Law Academy