30.11.2015
MT
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea
C 398/60
Rikors ippreżentat fil-25 ta’ Settembru 2015 – Export Development Bank of Iran vs Il-Kunsill
(Kawża T-553/15)
(2015/C 398/75)
Lingwa tal-kawża: il-Franċiż
Partijiet
Rikorrent: Export Development Bank of Iran (Teheran, l-Iran) (rappreżentant: J.-M. Thouvenin, avukat)
Konvenut: Il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea
Talbiet
Ir-rikorrent jitlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha tiddeċiedi:
—
li billi adotta u żamm fis-seħħ il-miżura restrittiva adottata mill-Kunsill tal-Unjoni Ewropea kontra l-EDBI, annullata bis-sentenza tal-Qorti Ġenerali tas-6 ta’ Settembru 2013 (Kawżi T-4/11 u T-5/11), il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea invoka r-responsabbiltà mhux kuntrattwali tal-Unjoni Ewropea;
—
li konsegwentement, l-Unjoni Ewropea hija obbligata tikkumpensa d-dannu li jirriżulta għar-rikorrent;
—
li d-dannu materjali huwa tal-ammont ta’ USD 5 6 4 70 860, jiġifieri EUR 5 0 5 08 718 bir-rata attwali, somma li magħha għandhom jiżdiedu l-interessi legali, u kwalunkwe somma oħra li hija ġġustifikata;
—
li d-dannu morali huwa tal-ammont ta’ USD 7 4 1 32 366, jiġifieri EUR 6 6 20 613 bir-rata attwali, somma li magħha għandhom jiżdiedu l-interessi legali, u kwalunkwe somma oħra li hija ġġustifikata;
—
sussidjarjament, li t-totalità jew parti mis-sommom mitluba bħala dannu morali jitqiesu bħala li jaqgħu taħt id-dannu materali, u jiġu rreġistrati bħala tali; u
—
li l-Kunsill għandu jiġi kkundannat għall-ispejjeż.
Motivi u argumenti prinċipali
Insostenn tar-rikors, ir-rikorrent jinvoka sitt motivi li tnejn fosthom jikkonċernaw l-eżistenza tar-responsabbiltà mhux kuntrattwali tal-Unjoni Ewropea u l-erbgħa l-oħra jikkonċernaw id-dannu li jirriżulta mill-illegalità mwettqa mill-Kunsill tal-Unjoni Ewropea.
—
Għal dak li jirrigwarda r-responsabbiltà mhux kuntrattwali tal-Unjoni Ewropea
1.
L-ewwel motiv ibbażat fuq illegalità tal-aġir li bih huwa akkużat il-Kunsill (adozzjoni u żamm fil-seħħ ta’ ffriżar ta’ fondi tar-rikorrent), debitament ikkonstatata mis-sentenza tas-6 ta’ Settembru 2013, Export Development Bank of Iran vs Il-Kunsill, T-4/11 u T-5/11, EU:T:2013:400
2.
It-tieni motiv ibbażat fuq il-fatt li l-illegalità mwettqa mill-Kunsill hija ksur suffiċjentement serju ta’ dispożizzjonijiet legali li għandhom l-għan li jagħtu drittijiet lill-individwi.
—
Għal dak li jirrigwarda d-dannu li jirriżulta mill-illegalità mwettqa mill-Kunsill tal-Unjoni Ewropea
3.
It-tielet motiv ibbażat fuq waqfien tal-attivitajiet tar-rikorrent fil-qasam ta’ kreditu dokumentarju, bħala konsegwenza diretta tal-miżura illegali.
4.
Ir-raba’ motiv ibbażat fuq lucrum cessans konsegwenza tal-fatt li kien impossibbli għar-rikorrent li jaċċedi għall-fondi tiegħu ffriżati fl-Unjoni Ewropea.
5.
Il-ħames motiv ibbażat fuq dannu konsegwenza tal-interruzzjoni tat-trasferimenti tal-flus.
6.
Is-sitt motiv ibbażat fuq dannu morali.
Full & Egal Universal Law Academy