30.11.2015
MT
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea
C 398/64
Rikors ippreżentat fil-25 ta’ Settembru 2015 – Il-Portugall vs Il-Kummissjoni
(Kawża T-556/15)
(2015/C 398/78)
Lingwa tal-kawża: il-Portugiż
Partijiet
Rikorrenti: Ir-Repubblika Portugiża (rappreżentanti: L. Fernandes, M. Figueiredo, P. Estêvão u J. Almeida, aġenti)
Konvenuta: Il-Kummissjoni Ewropea
Talbiet
—
tannulla d-Deċiżjoni tal-Kummissjoni C(2015) 4076 (1), sa fejn, minħabba r-Raġuni “Dgħjufjiet fl-LPIS”, hija eskludiet mill-finanzjament [tal-Unjoni Ewropea] l-ammont ta’ EUR 13 7 3 89 156,95 relatat mal-ispejjeż iddikjarati mir-Repubblika Portugiża taħt Għajnuna Diretta Oħra Superfiċi, għas-snin 2010, 2011 u 2012
—
tikkundanna lill-Kummissjoni Ewropea għall-ispejjeż.
Motivi u argumenti prinċipali
Insostenn tar-rikors tagħha, ir-rikorrenti tinvoka l-motivi li ġejjin:
A –
Fir-rigward tas-snin 2009 u 2010
Ksur tal-prinċipju ta’ proporzjonalità u tal-Artikolu 5 TUE, sa fejn, għalkemm il-kalkoli u l-premessi huma eżattament l-istess bħal dawk li kienu ġew aċċettati mill-Kummissjoni f’verifiki preċedenti, in-nuqqas ta’ aċċettazzjoni mill-Kummissjoni, b’mod debitament immotivat, tal-kalkolu ppreżentat mill-awtoritajiet Portugiżi, miżjuda bl-applikazzjoni ta’ korrezzjoni b’rata fissa, minkejja li ġie kkonstatat titjib sostanzjali fir-rigward tal-implementazzjoni tal-Pjan ta’ Azzjoni tal-LPIS, jikkostitwixxi ksur ċar tal-prinċipju ta’ kooperazzjoni leali.
B –
Fir-rigward tas-sena 2011
1)
Ksur tal-prinċipju ta’ kooperazzjoni leali, sa fejn il-Kummissjoni, fir-rigward tad-differenzi fil-funzjonament tal-LPIS-GIS għas-sena 2011 issottovalutat ix-xogħol kollu żviluppat mill-awtoritajiet Portugiżi, b’mod partikolari, il-miżuri adottati minnhom – Pjan ta’ Azzjoni approvat mill-Korp ta’ Ċertifikazzjoni – implementat, b’riferiment speċjali, għas-sena 2011, bil-kunsens u l-għarfien tal-Kummissjoni.
2)
Ksur tal-prinċipju tal-kontradittorju, sa fejn fin-notifika skont l-Artikolu 11 tar-Regolament (KE) Nru 885/06 (2), fir-rigward tas-sena 2011, is-suġġett tal-investigazzjoni jikkonsisti fl-irregolaritajiet ikkonstatati fir-rigward tal-LPIS, iżda d-Deċiżjoni hija mmotivata fuq il-konsolidazzjoni illegali ta’ drittijiet, liema fatt ma jirriżultax fl-ittra skont l-imsemmi Artikolu 11 u, għalhekk, l-awtoritajiet Portugiżi ma kellhomx l-opportunità li jesprimu ruħhom dwar dan.
3)
Ksur tal-Artikolu 11 tar-Regolament (KE) Nru 885/06, sa fejn id-deċiżjoni ma hijiex debitament immotivata, fejn jirriżulta li l-motivi jew il-motivazzjoni huma ineżatti u, għalhekk jiksru r-ratio u l-għan tal-Artikolu 11(1) tar-Regolament Nru 885/2006;
C –
Fir-rigward tas-snin 2009 sa 2011 – Żieda/Korrezzjonijiet b’rata fissa
Ksur tal-Artikolu 31(2) tar-Regolament Nru 1290/2005 (3) u tal-prinċipju ta’ proporzjonalità tal-AGRI/61 495/2002-REV1, peress li l-miżuri adottati (jiġifieri deċiżjonijiet) ma humiex adegwati u neċessarji għall-għan imfittex, u jmorru lilhinn minn dak li hu neċessarju sabiex jintlaħaq dan l-għan, ladarba l-awtoritajiet Portugiżi jikkalkolaw skont il-linji gwida tal-Kummissjoni u sussegwentement il-Kummissjoni stess tiddeċiedi tapplika korrezzjoni b’rata fissa.
(1) Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2015/1119, tat-22 ta’ Ġunju 2015, li teskludi mill-finanzjament tal-Unjoni Ewropea ċertu nfiq imġarrab mill-Istati Membri skont il-Fond Agrikolu Ewropew ta’ Garanzija (FAEG) u skont il-Fond Agrikolu Ewropew għall-Iżvilupp Rurali (FAEŻR) (ĠU L 182, p. 39).
(2) Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 885/2006, tal-21 ta’ Ġunju 2006, li jistabbilixxi regoli dettaljati għall-applikazzjoni tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1290/2005, dwar l-akkreditazzjoni tal-aġenziji tal-ħlas u ta’ korpijiet oħrajn u l-approvazzjoni tal-kontijiet tal-FAEG u tal-FAEŻR (ĠU L 322M, p. 162).
(3) Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1290/2005, tal-21 ta’ Ġunju 2005, dwar il-finanzjament tal-Politika Agrikola Komuni (ĠU L 209, p. 1).
Full & Egal Universal Law Academy