16.11.2015
MT
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea
C 381/53
Rikors ippreżentat fil-25 ta’ Settembru 2015 – Federcaccia Toscana et vs Il-Kummissjoni
(Kawża T-562/15)
(2015/C 381/64)
Lingwa tal-kawża: it-Taljan
Partijiet
Rikorrenti: Federcaccia Toscana (Firenze, l-Italja), Moreno Periccioli (Volterra, l-Italja), Arcicaccia Toscana (Firenze, l-Italja), Fabio Lupi (Cascina, l-Italja), Associazione dei Migratoristi Italiani per la conservazione dell’ambiente naturale (ANUU) – TOSCANA (Cerreto Guidi, l-Italja), Franco Bindi (Cerreto Guidi, l-Italja) (rappreżentant: A. Bruni, avukat)
Konvenuta: Il-Kummissjoni Ewropea
Talbiet
—
tikkonstata u tiddikjara li l-Kummissjoni Ewropea wettqet żball meta naqset milli teżamina d-data inizjali Key Concepts akkwistata mill-Italja fir-rigward tal-bidu tal-migrazzjoni ta’ qabel it-tgħammir tal-ispeċi gallina, merill u malvizzun tal-qtajja’ meta mqabbla mal-istess data akkwistata minn Franza, u għaldaqstant naqset milli twettaq l-obbligu li tiżviluppa data transnazzjonali koerenti dwar it-tliet speċi migratorji f’ambiti territorjali ġeografikament u klimatikament omoġenji;
—
tikkonstata u tiddikjara li l-Kummissjoni Ewropea wettqet żball meta naqset milli taġġorna d-data Key Concepts Taljana fir-rigward tal-bidu tal-migrazzjoni ta’ qabel it-tgħammir tal-ispeċi gallina, merill u malvizzun tal-qtajja’, billi adattatha u għamlitha uniformi mal-istess data Franċiża meqjusa korretta u leġittima, u identifikat it-tieni perijodu ta’ għaxart ijiem ta’ Frar bħala l-bidu tal-migrazzjoni ta’ qabel it-tgħammir tat-tliet speċi msemmija anki fl-Italja;
—
tikkonstata u tiddikjara li l-Kummissjoni Ewropea, fl-assenza ta’ suppożizzjonijiet validi u korretti, irrikjediet li jiġu introdotti fl-Italja, u b’mod partikolari fit-Toscana, limitazzjonijiet mhux iġġustifikati għall-kaċċa tal-gallina, tal-merill u tal-malvizzun tal-qtajja’, meta mqabbel ma’ dak awtorizzat fi Franza u b’mod partikolari fil-Korsika, u b’hekk antiċipat għall-20 ta’ Jannar l-għeluq tal-perijodu tal-kaċċa tal-imsemmija tliet speċi migratorji fit-Toscana;
—
tikkonstata u tiddikkjara l-illeġalità, bħala riżultat tad-differenza fit-trattament bejn l-Istati Membri u/jew ir-reġjuni tal-Istati Membri kif ukoll minħabba assenza ta’ suppożizzjonijiet validi, tal-proċedura EU PILOT 6955/14/ENVI mibdija mill-Kummissjoni Ewropea kontra l-Istat Taljan biss, mingħajr ma ħadet inizjattiva identika u kuntestwali fil-konfront ta’ Franza u mingħajr ma għamlet ebda investigazzjoni preliminari bil-għan li tikseb elementi kongruwenti li jippermettu li jiġi konkluż li l-bidu effettiv tal-migrazzjoni ta’ qabel it-tgħammir tal-gallina, tal-merill u tal-malvizzun tal-qtajja’ għandu jitqies li jseħħ xahar wara (20 ta’ Frar) fil-Korsika u fin-nofsinhar ta’ Franza meta mqabbel mal-bidu tal-istess migrazzjoni ta’ qabel it-tgħammir fit-Toscana (20 ta’ Jannar);
—
tikkonstata u tiddikkjara l-illegalità tal-aġir ta’ ommissjoni adottat u miżmum mill-Kummissjoni Ewropea fir-rigward tal-att ta’ intimazzjoni nnotifikat mill-assoċjazzjonijiet rikorrenti fid-29 ta’ Mejju 2015, u tikkonstata u tiddikjara fl-istess ħin in-natura evażiva tat-tweġiba tagħha tad-9 ta’ Settembru 2015 mibgħuta permezz tal-ittra Nru ENV.D.2/MC-GM/vf/ARES (2015) 3758354;
—
tikkundanna lill-Kummissjoni Ewropea biex tadatta d-data Key Concepts Taljana dwar il-bidu tal-migrazzjoni ta’ qabel it-tgħammir tal-ispeċi gallina, merill u malvizzun tal-qtajja’ mad-data Key Concepts ta’ Franza, billi b’hekk tidentifika t-tieni perijodu ta’ għaxart ijiem ta’ Frar;
—
fi kwalunkwe każ, tikkundanna lill-Kummissjoni Ewropea biex tadatta d-data Key Concepts Taljana dwar il-bidu tal-migrazzjoni ta’ qabel it-tgħammir fit-Toscana tal-ispeċi gallina, merill u malvizzun tal-qtajja’ mad-data Key Concepts ta’ Franza relatata mal-Korsika u man-nofsinhar ta’ Franza, billi b’hekk tidentifika t-tieni perijodu ta’ għaxart ijiem ta’ Frar;
—
tikkundanna lill-Kummissjoni Ewropea, għall-aġir inadegwat u ommissiv tagħha, sabiex tagħti kumpens għad-danni mġarrba u li jistgħu jiġġarrbu mill-assoċċjazzjonijiet tal-kaċċaturi rikorrenti, anki b’mod ekwu, fl-ammont li jidhrilha xieraq.
Motivi u argumenti prinċipali
Dan ir-rikors huwa intiż, prinċipalment, sabiex jiġu kkonstatati n-nuqqasijiet tal-Kummissjoni, fis-sens li hija astjeniet ruħha illegalment milli taġixxi f’dak li jirrigwarda t-talba tad-29 ta’ Mejju 2015 li permezz tagħha l-assoċjazzjonijiet rikorrenti indirizzawlha att ta’ intimazzjoni sabiex tipproċedi għall-aġġornament tal-Key Concepts Taljani u għall-modifika, konsegwentement, tad-data tal-bidu tal-migrazzjoni ta’ qabel it-tgħammir tal-ispeċi gallina, merill u malvizzun tal-qtajja’ billi tidentifika f’dan ir-rigward it-tieni perijodu ta’ għaxart ijiem ta’ Frar.
Insostenn tar-rikors tagħhom, ir-rikorrenti jinvokaw l-invalidità, l-assenza ta’ affidabbiltà u n-natura kontestabbli tad-data marbuta mal-Key Concepts għall-Italja f’dak li jirrigwarda l-bidu tal-migrazzjoni ta’ qabel it-tgħammir tal-ispeċi gallina, merill u malvizzun tal-qtajja’ li għandha inkoerenzi manifesti meta mqabbla mad-data marbuta ma’ Stati Membri oħra jew reġjuni ta’ Stati Membri kkaratterizzati minn kundizzjonijiet ġeografiċi, ambjentali u klimatiċi uniformi u li jirrigwardaw l-istess żona ta’ distribuzzjoni u żona ta’ xitwa li jikkostitwixxi l-Mediterran.
—
Ir-rikorrenti jsostnu li l-Kummissjoni kisret l-obbligu tagħha ta’ aġġornament u ta’ aġġustamenti perijodiċi tad-data marbuta mal-Key Concepts u ta’ adozzjoni ta’ miżuri intiżi sabiex jiggarantixxu l-applikazzjoni uniformi tat-Trattati fuq it-territorju kollu tal-Unjoni, mingħajr diskriminazzjoni bejn l-Istati Membri.
—
Barra minn hekk, huma jqisu li l-aġir żbaljat tal-Kummissjoni, ikklassifikat bħala ommissiv u inadegwat, jikkostitwixxi wkoll ksur tal-Artikolu 17(1) TUE; tal-Artikoli 192 u 291 TFUE, tal-premessa 4 u tal-Artikoli 7, 10 u 16 tad-Direttiva 2009/147/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-30 ta’ Novembru 2009, dwar il-konservazzjoni tal-għasafar selvaġġi (ĠU L 20, p. 7); tal-punt 2.5.13 tal-gwida dwar il-kaċċa skont id-Direttiva tal-Kunsill 79/409/KEE dwar il-konservazzjoni tal-għasafar selvaġġi (li saret 2009/147/KE); tar-Regolament (UE) Nru 182/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tas-16 ta’ Frar 2011, li jistabbilixxi r-regoli u l-prinċipji ġenerali dwar il-modalitajiet ta’ kontroll mill-Istati Membri tal-eżerċizzju mill-Kummissjoni tas-setgħat ta’ implimentazzjoni (ĠU L 55, p. 13), tal-Artikoli 4(2), u 9 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea kif ukoll tal-Artikolu 18 TFUE.
Full & Egal Universal Law Academy