11.1.2016
MT
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea
C 7/29
Rikors ippreżentat fl-1 ta’ Ottubru 2015 – VIK vs Il-Kummissjoni
(Kawża T-576/15)
(2016/C 007/40)
Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż
Partijiet
Rikorrenti: VIK Verband der Industriellen Energie- und Kraftwirtschaft e. V. (Essen, il-Ġermanja) (rappreżentant: C. Kahle, avukat)
Konvenuta: Il-Kummissjoni Ewropea
Talbiet
—
tannulla, skont l-Artikolu 264 TFUE, id-deċiżjoni tal-Kummissjoni tal-25 ta’ Novembru 2014 fil-proċedura “Għajnuna mill-Istat SA.33995 (2013/C) (ex 2013/NN) – il-Ġermanja, Għajnuna għall-appoġġ tal-elettriku rinnovabbli u soprataxxa tal-EEG imnaqqsa għall-utenti li jagħmlu użu intensiv mill-enerġija”, C(2014) 8786 finali, ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali (JO L 250, p. 122 tal-25 ta’ Settembru 2015) sa fejn,
—
fl-Artikolu 1 u fl-Artikolu 3(1) tad-Deċiżjoni, il-konvenuta kklassifikat bħala għajnuna ġdida l-appoġġ għall-produzzjoni tal-elettriku minn sorsi ta’ enerġija rinnovabbli kif ukoll il-limitu massimu għas-soprataxxa tal-EEG skont il-liġi tal-EEG tal-2012;
—
il-konvenuta tikkonstata, fl-Artikoli 2 u 3(2) kif ukoll fl-Artikoli 6 u 7, l-inkompatibbiltà tal-iskema ta’ kumpens speċjali mas-suq intern u tordna r-rimbors tal-għajnuna;
—
tikkundanna lill-konvenuta għall-ispejjeż.
Motivi u argumenti prinċipali
Insostenn tar-rikors tagħha, ir-rikorrenti tinvoka seba’ motivi.
1.
L-ewwel motiv: assenza ta’ vantaġġ
Ir-rikorrenti ssostni li l-iskema ta’ kumpens speċjali ma tikkostitwixxix għajnuna fis-sens tal-Artikolu 107(1) TFUE peress li l-limitu massimu għas-soprataxxa tal-EEG ma jagħtix vantaġġ lill-utenti li jagħmlu użu intensiv mill-enerġija.
2.
It-tieni motiv: assenza ta’ selettività
Ir-rikorrenti ssostni wkoll li l-iskema ta’ kumpens speċjali ma tikkostitwixxix għajnuna fis-sens tal-Artikolu 107(1) TFUE minħabba li l-kundizzjoni bbażata fuq il-selettività hija nieqsa. L-utenti li jagħmlu użu intensiv mill-enerġija ma humiex ivvantaġġati fuq impriżi oħra li jinsabu f’sitwazzjoni materjali u legali paragunabbli. Barra minn hekk, il-limitu massimu għas-soprataxxa tal-EEG huwa ġġustifikat min-natura u mill-istruttura tal-leġiżlazzjoni.
3.
It-tielet motiv: assenza ta’ natura statali tar-riżorsi
Ir-rikorrenti hawnhekk tirrileva li la s-sistema ta’ ekwalizzazzjoni federali u lanqas l-iskema ta’ kumpens speċjali tal-liġi tal-EEG tal-2012 ma jimplikaw l-għoti ta’ għajnuna fis-sens tal-Artikolu 107(1) TFUE, peress li r-riżorsi tal-Istat ma jsostnu ebda oneru.
4.
Ir-raba’ motiv: assenza ta’ distorsjoni tal-kompetizzjoni
F’dan il-kuntest, ir-rikorrenti tosserva li l-limitu massimu għas-soprataxxa tal-EEG iservi biss sabiex jikkumpensa żvantaġġ kompetittiv, li l-utenti li jagħmlu użu intensiv mill-enerġija/impriżi li jagħmlu użu intensiv mill-enerġija għandhom isostnu meta mqabbla ma’ oqsma oħra ta’ attività f’pajjiżi oħra minħabba l-ħlas tas-soprataxxa tal-EEG.
5.
Il-ħames motiv: kompatibbiltà tal-għajnuna mas-suq komuni
Ir-rikorrenti ssostni li jekk il-limitu massimu għas-soprataxxa tal-EEG kellu jiġi kklassifikat bħala għajnuna, tali għajnuna hija kompatibbli mas-suq komuni. Il-limitu massimu ma joħloqx distorsjoni tal-kompetizzjoni, iżda għall-kuntrarju jikkumpensa żvantaġġ kompetittiv għall-impriżi kkonċernati.
6.
Is-sitt motiv: assenza ta’ għajnuna ġdida
Ir-rikorrenti żżid li, jekk il-Qorti Ġenerali tikklassifika l-iskema ta’ kumpens speċjali bħala għajnuna, din hija għajnuna eżistenti li għaliha l-proċedura tal-Artikolu 6 tar-Regolament (KE) Nru 659/1999 (1) ma hijiex applikabbli.
7.
Is-seba’ motiv: ksur tal-prinċipji ġenerali ta’ protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi u ta’ ċertezza legali.
Ir-rikorrenti tenfasizza hawnhekk li, billi approvat il-liġi tal-EEG tas-sena 2000, il-konvenuta ħolqot aspettattivi leġittimi li d-deċiżjoni finali tippreġudika.
(1) Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 659/1999, tat-22 ta’ Marzu 1999, li jistabbilixxi regoli dettaljati għall-applikazzjoni tal-Artikolu 108 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 8, Vol. 1, p. 339).
Full & Egal Universal Law Academy