30.11.2015
MT
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea
C 398/71
Rikors ippreżentat fl-1 ta’ Ottubru 2015 – Syndial vs Il-Kummissjoni
(Kawża T-581/15)
(2015/C 398/85)
Lingwa tal-kawża: it-Taljan
Partijiet
Rikorrenti: Syndial SpA – Attività Diversificate (San Donato Milanese, l-Italja) (rappreżentanti: L. Acquarone u S. Grassi, avukati)
Konvenuta: Il-Kummissjoni Ewropea
Talbiet
Ir-rikorrenti titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha tannulla u/jew tirriforma n-Nota tal-Kummissjoni Ewropea – Segretarjat Ġenerali, Ref. Ares(20015)3238796, tat-3 ta’ Awwissu 2015, intitolata “Deċiżjoni tas-Segretarjat Ġenerali f’isem il-Kummissjoni skont l-Artikolu 4 tad-dispożizzjonijiet ta’ implementazzjoni tar-Regolament (KE) Nru 1049/2001”, li għandha bħala suġġett l-“Applikazzjoni għall-konferma għal aċċess għal dokumenti skont ir-Regolament (KE) Nru 1049/2001 – GESTDEM 2015/2796”, li biha ġie kkonfermat ir-rifjut tad-Direttorat Ġenerali tal-Ambjent tal-Kummissjoni Ewropea, permezz tan-nota ENV.D.2/MC/vf/ARES(2015), tas-16 ta’ Ġunju 2015, tal-applikazzjoni għal aċċess għal dokumenti ppreżentata minn Syndial SpA permezz tan-nota INAMB-10/15, tas-6 ta’ Mejju 2015, trażmessa permezz ta’ posta elettronika ċċertifikata fit-8 ta’ Mejju 2015 u, konsegwentement, tikkonstata d-dritt ta’ Syndial li jkollha konoxxenza tad-dokumentazzjoni dwar il-proċedura ta’ ksur Nru 2009/4426 billi tordna l-produzzjoni, sħiħa jew parzjali, tal-atti u tad-dokumenti msemmija fl-applikazzjoni għal aċċess ippreżentata permezz tan-nota msemmija iktar ’il fuq INAMB-10/15, tas-6 ta’ Mejju 2015, trażmessa permezz ta’ posta elettronika ċċertifikata fit-8 ta’ Mejju 2015, kif ukoll, tikkonstata d-dritt ta’ Syndial għal smigħ formali mill-Kummissjoni sabiex tikkjarifika u tikkonferma l-informazzjoni disponibbli fil-kuntest tal-proċedura ta’ ksur inkwistjoni.
Motivi u argumenti prinċipali
Insostenn tar-rikors tagħha, ir-rikorrenti tinvoka żewġ motivi.
1.
L-ewwel motiv, ibbażat fuq ksur u/jew applikazzjoni ħażina tal-Artikolu 4(2) tar-Regolament (KE) Nru 1049/2001.
—
Ir-rikorrenti tqis li l-limitu għall-eċċezzjoni mressqa mill-Kummissjoni għall-aċċess għad-dokumenti dwar il-proċedura ta’ ksur Nru 2009/4426, li jikkonsisti fl-eżistenza ta’ “interess pubbliku akbar [li jiġġustifika l-] iżvelar”, imsemmija fl-aħħar parti tal-Artikolu 4(2) tar-Regolament (KE) Nru 1049/2001, ma ġiex evalwat b’mod korrett f’dan il-każ.
—
Il-proġett ta’ tindif awtorizzat u issa mlesti, intiż li jiġi eżegwit direttament minn Syndial (propretarja taż-żona) fis-sit ta’ Cengio, josserva bis-sħiħ il-prinċipji kommunitarji fil-qasam ta’ riabilitazzjoni u ta’ dekontaminazzjoni ta’ żoni affettwati minn kontaminazzjoni storika.
—
Il-pożizzjoni proposta mir-Repubblika Taljana fil-proċedura Nru 2009/4426 tidher li tissagrifika, b’mod mhux intenzjonat, l-interess pubbliku mfittex fuq livell nazzjonali permezz ta’ aderenza għamja għall-ilmenti tal-Kummissjoni, filwaqt li qed tinsa li l-proċedura li wasslet għall-awtorizzazzjoni tal-proġett ta’ tindif tas-sit segwiet il-proċedura għall-awtorizzazzjoni prevista fuq livell nazzjonali proprju fi ħdan l-istess ministeru li llum irid jiċħad il-validità tagħha. Li wieħed jippermetti lil Syndial tivverifika jekk l-osservanza tal-konformità mal-prinċipji kommunitarji għandhiex tiġi mistħarrġa b’mod konkret jikkostitwixxi konsegwentement interess pubbliku rilevanti u ikbar li jiġġustifika l-iżvelar fis-sens tal-Artikolu 4(2).
—
L-interess li jimmotiva t-talbiet ta’ Syndial ma huwiex ta’ natura privata – barra minn hekk leġittimu – iżda huwa interess ta’ natura pubblika, iktar rilevanti, li huwa intiż għall-protezzjoni effettiva tal-interess għall-ekwità u l-iżvolġiment tajjeb tal-proċedura komunitarja inkwistjoni u tal-azzjoni amministrattiva interna (li huma espressament protetti taħt, għall-ewwel waħda, l-Artikolu 41 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea u, għat-tieni, l-Artikolu 97 tal-Kostituzzjoni tar-Repubblika Taljana), li huma mhux biss marbuta mad-drittijiet tad-difiża tal-individwi (direttament interessati mill-effetti tad-deċiżjoni adottata fil-kuntest tal-proċedura ta’ ksur) iżda, speċjalment, għad-dritt fundamentali għall-informazzjoni fil-qasam tal-ambjent li huwa kkonfermat mill-prinċipji tad-dritt tal-Unjoni (l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 191(2) u (3), flimkien mal-prinċipju msemmi fl-Artikolu 11 TFUE, implementat b’mod partikolari bl-adeżjoni tal-Unjoni Ewropea għall-Konvenzjoni ta’ Aarhus tas-27 ta’ Ġunju 1998).
2.
It-tieni motiv, ibbażat fuq ksur u/jew applikazzjoni ħażina tal-Artikolu 4(6) tar-Regolament (KE) Nru 1049/2001 – Rifjut illegali għal aċċess parzjali
—
Il-preżunzjoni ġenerali ta’ nuqqas ta’ żvelar prevista fit-tielet inċiż tal-Artikolu 4(2) tar-Regolament (KE) Nru 1049/2001 “ma teskludix id-dritt ta’ dawn il-persuni interessati li juru li dokument speċifiku li l-iżvelar tiegħu huwa mitlub ma huwiex kopert minn din il-preżunzjoni jew li jeżisti interess pubbliku ikbar li jiġġustifika l-iżvelar tad-dokument imsemmi skont l-Artikolu 4(2) tar-Regolament Nru 1049/2001” [traduzzjoni mhux uffiċjali] (ara s-sentenza tat-2 ta’ Marzu 2015, Sea Handling vs Il-Kummissjoni, T-456/13, EU:T:2015:185, punt 64).
—
F’dan il-każ, ninsabu quddiem applikazzjoni għal aċċess għal dokumenti li l-iżvelar tagħhom ma jmur kontra l-ebda interess pubbliku, iżda saħansitra jikkontribwixxi biex iservi l-interess pubbliku, peress li huwa biss billi dan jittieħed inkunsiderazzjoni li jkun possibbli li jittieħdu minnu elementi utli mhux biss sabiex l-ilmenti mqajma fil-kuntest tal-proċedura ta’ ksur jiġu rribattuti mill-aspett tekniku u ġuridiku, iżda wkoll sabiex tintwera l-validità tal-proċedura segwita, bi qbil sħiħ mal-entitajiet kompetenti, sabiex jintagħżel il-proġett l-iktar adatt għat-tindif tas-sit ta’ Cengio, li qabel kien jappartjeni għal ACNA, b’konformità mal-prinċipji kommunitarji ta’ rkupru tas-siti milquta minn kontaminazzjonijiet storiċi u ta’ sostenibbiltà ta’ miżuri ambjentali, kif ukoll sabiex jitwettaq dan il-proġett.
—
L-aċċess seta’ jiġi llimitat għall-indikazzjoni tad-dokumenti mqiegħda fl-atti mir-Repubblika Taljana, wara li jitgħattew dawk li diġà ġew ippreżentati fil-proċess tal-kawża.
Full & Egal Universal Law Academy