30.11.2015
MT
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea
C 398/74
Rikors ippreżentat fit-13 ta’ Ottubru 2015 – Transavia Airlines vs Il-Kummissjoni
(Kawża T-591/15)
(2015/C 398/87)
Lingwa tal-kawża: l-Olandiż
Partijiet
Rikorrenti: Transavia Airlines (Schiphol, il-Pajjiżi l-Baxxi) (rappreżentanti: R. Elkerbout u M. R. Baneke, avukati)
Konvenuta: Il-Kummissjoni Ewropea
Talbiet
—
tannulla l-Artikolu 1(3) u [sa fejn jikkonċernaw l-Artikolu 1(3)], l-Artikoli 3, 4 u 5 tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni Ewropea;
—
tikkundanna lill-Kummissjoni Ewropea għall-ispejjeż.
Motivi u argumenti prinċipali
Ir-rikorrenti titlob l-annullament parzjali tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni (UE) 2015/1227, tat-23 ta’ Lulju 2014, dwar l-għajnuna mill-istat SA.22614 (C 53/07) implimentata minn Franza favur il-Kamra tal-Kummerċ u tal-Industrija ta’ Pau-Béarn, Ryanair, Airport Marketing Services u Transavia [notifikata bid-dokument C(2014)5085)] (ĠU L 201, p. 109).
Insostenn tar-rikors tagħha, ir-rikorrenti tinvoka sitt motivi.
1.
L-ewwel motiv ibbażat fuq ksur tal-prinċipju ta’ amministrazzjoni tajba stabbilit fl-Artikolu 41 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea kif ukoll id-drittijiet tad-difiża.
—
Ir-rikorrenti ssostni li ma kellhiex il-possibbiltà li tressaq il-perspettiva tagħha qabel l-adozzjoni tad-deċiżjoni kkontestata.
—
Il-Kummissjoni ma setgħetx tiċħad it-talba tar-rikorrenti tal-25 ta’ Awwissu 2015 dwar l-aċċess għal ċerti dokumenti.
2.
It-tieni motiv ibbażat fuq ksur tal-Artikolu 107(1) TFUE, peress li l-għajnuna mill-Istat ikkonstatata ġiet imputata b’mod żbaljat lill-Istat Franċiż.
—
Il-Kummissjoni kkunsidrat b’mod żbaljat lill-“Kamra tal-Kummerċ u tal-Industrija ta’ Pau-Béarn” bħala korp pubbliku.
—
Il-Kummissjoni tikkontradixxi lilha nnifisha fl-evalwazzjoni tagħha tan-natura ta’ “Kamra tal-Kummerċ u tal-Industrija ta’ Pau-Béarn”.
3.
It-tielet motiv ibbażat fuq ksur tal-Artikolu 107(1) TFUE, peress li l-kriterju ta’ operatur f’ekonomija tas-suq ġie applikat b’mod żbaljat.
—
Il-Kummissjoni ma mmotivatx suffiċjentement għalfejn hija applikat il-kriterju tal-profittabbiltà, minflok ma wettqet paragun mal-prezz tas-suq.
—
Il-Kummissjoni applikat b’mod żbaljat il-kriterju tal-profittabbiltà, peress li ma ħaditx inkunsiderazzjoni l-motivi tal-ajruport ta’ Pau li abbażi tagħhom ikkonkluda l-ftehim mar-rikorrenti, peress li applikat perspettivi ta’ żmien qasir u ma kkjarifikatx id-dħul u l-vantaġġi għall-ajruport ta’ Pau li hija ħadet inkunsiderazzjoni.
4.
Ir-raba’ motiv ibbażat fuq ksur tal-Artikolu 107(1) TFUE, peress li hija stabbiliet b’mod żbaljat li l-allegat vantaġġ ekonomiku huwa selettiv.
5.
Il-ħames motiv ibbażat fuq ksur tal-Artikolu 107(1) TFUE peress li naqset milli teżamina jekk l-allegati vantaġġi ekonomiċi effettivament kellhomx ukoll effetti negattivi għall-kompetizzjoni.
6.
Is-sitt motiv ibbażat fuq ksur tal-Artikolu 107(1) TFUE u tal-Artikolu 108(2) TFUE, peress li l-Kummissjoni wettqet żball ta’ evalwazzjoni u interpretat b’mod żbaljat id-dritt meta kkonstatat li l-għajnuna lir-rikorrenti kienet ekwivalenti għat-telf akkumulat tal-ajruport ta’ Pau għall-perijodu 2006 sa 2009, minkejja li hija kellha sempliċement tfittex liema vantaġġ ir-rikorrenti effettivament ibbenefikat minnu.
Full & Egal Universal Law Academy