1.2.2016
MT
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea
C 38/65
Rikors ippreżentat fl-20 ta’ Novembru 2015 – Shanxi Taigang Stainless Steel vs Il-Kummissjoni
(Kawża T-675/15)
(2016/C 038/88)
Lingwa tal-kawża: l-Ingliż
Partijiet
Rikorrenti: Shanxi Taigang Stainless Steel Co. Ltd (Taiyuan, iċ-Ċina) (rappreżentanti: F. Carlin, Barrister, u N. Niejahr, avukat)
Konvenuta: Il-Kummissjoni Ewropea
Talbiet
—
tannulla r-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2015/1429, tas-26 ta’ Awwissu 2015, li jimponi dazju antidumping definittiv fuq importazzjonijiet ta’ prodotti tal-azzar inossidabbli irrumblati ċatti fil-kiesaħ li joriġinaw mir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina u mit-Tajwan (ĠU L 224, p. 10), sa fejn dan jimponi dazji antidumping fuq esportazzjonijiet mir-rikorrenti u tiġbor d-dazji provviżorji imposti fuq tali esportazzjonijiet; u
—
tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż tagħha stess u għal dawk sostnuti mir-rikorrenti f’dawn il-proċeduri.
Motivi u argumenti prinċipali
Insostenn tar-rikors tagħha, ir-rikorrenti tinvoka tliet motivi.
1.
L-ewwel motiv ibbażat fuq l-allegazzjoni li l-Kummissjoni kisret it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 2(7)(a) tar-Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 1225/2009 (1) (iktar ’il quddiem ir-“Regolament Bażiku”) meta identifikat u għażlet l-Istati Uniti tal-Amerika (iktar ’il quddiem l-“USA”) bħala l-pajjiż analogu xieraq f’dan il-każ. Din l-għażla kienet ibbażata fuq interpretazzjoni u applikazzjoni żbaljata tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 2(7)(a) tar-Regolament Bażiku kif ukoll fuq żball manifest ta’ evalwazzjoni tal-fatti. Alternattivament, il-Kummissjoni manifestament applikat ħażin l-Artikolu 2(7)(a) tar-Regolament Bażiku billi naqset mili tagħmel ċerti aġġustamenti meħtieġa għall-valur normali minkejja li għażlet l-USA bħala l-pajjiż analogu.
2.
It-tieni motiv ibbażat fuq l-allegazzjoni li l-Kummissjoni kisret l-Artikolu 2(10) tar-Regolament Bażiku billi naqset mili tagħmel l-aġġustamenti meħtieġa għall-ispejjeż ta’ trasport intern ta’ produttur tal-USA li jesporta, skont is-sezzjoni (k) ta’ din id-dispożizzjoni.
3.
It-tielet motiv ibbażat fuq l-allegazzjoni li l-Kummissjoni kisret l-Artikoli 3(2), 3(6) u 3(7) tar-Regolament Bażiku. L-analiżi li l-Kummissjoni għamlet ta’ ċerti fatturi dannużi u tal-kawża hija vvizzjata minn żballji manifesti ta’ evalwazzjoni tal-fatti u/jew ma hijiex konformi mal-obbligu tal-Kummissjoni li teżamina d-data b’mod diliġenti u imparzjali.
(1) Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1225/2009, tat-30 ta’ Novembru 2009, dwar il-protezzjoni kontra l-importazzjonijiet li huma l-oġġett ta’ dumping minn pajjiżi mhux membri tal-Komunità Ewropea (ĠU L 338, p. 18).
Full & Egal Universal Law Academy