15.2.2016
MT
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea
C 59/24
Appell ippreżentat fis-26 ta’ Novembru 2015 minn Patrick Wanègue mid-digriet mogħti fil-15 ta’ Settembru 2015 mit-Tribunal għas-Servizz Pubbliku fil-Kawża F-21/15, Wanègue vs Il-Kumitat tar-Reġjuni
(Kawża T-682/15 P)
(2016/C 059/27)
Lingwa tal-kawża: il-Franċiż
Partijiet
Appellant: Patrick Wanègue (Dilbeek, il-Belġju) (rappreżentant: M.-A. Lucas, avukat)
Parti oħra fil-proċedura: Il-Kumitat tar-Reġjuni tal-Unjoni Ewropea
Talbiet
—
tannulla d-digriet tal-15 ta’ Settembru 2015 fil-Kawża F-21/15 li permezz tiegħu t-Tribunal għas-Servizz Pubbliku (It-Tieni Awla) ċaħad bħala parzjalment manifestament infondat fid-dritt u parzjalment inammissibbli r-rikors ippreżentat fil-5 ta’ Frar 2015 mill-appellant kontra l-Kumitat tar-Reġjuni;
—
tiddeċiedi fuq ir-rikors u tilqa’ t-talbiet tal-appellant imressqa permezz tar-rikors tiegħu,
—
tikkundanna lill-Kumitat tar-Reġjuni għall-ispejjeż taż-żewġ istanzi.
Aggravji u argumenti prinċipali
Insostenn tal-appell tiegħu, l-appellant jinvoka ħames aggravji.
1.
L-ewwel aggravju, ibbażat fuq il-ksur tal-Artikolu 51(1) u 53(1) tar-Regoli tal-Proċedura tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku (TSP) kif ukoll tal-prinċipju ta’ ugwaljanza tal-partijiet fil-proċedura, sa fejn it-terminu ta’ xahrejn previst għall-preżentata tar-risposta, miżjud b’terminu fiss ta’ għaxart ijiem għal raġuni ta’ distanza, ġie kkalkolat mid-data tar-riċezzjoni tan-notifika tar-regolarizzazzjoni tar-rikors, u mhux minn dik tan-notifika tar-rikors, b’mod li r-risposta tal-Kumitat tar-Reġjuni (KtR) ddaħħlet fil-proċess tal-kawża minkejja li kienet ġiet ippreżentata wara l-iskadenza tat-terminu, it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku bbaża ruħu fuq din ir-risposta sabiex jiċħad ir-rikors permezz ta’ digiret abbażi tal-Artikolu 81 tar-Regoli tal-Proċedura u l-appellant ma ngħatax il-possibbiltà li jitlob il-benefiċċju ta’ sentenza fil-kontumaċja abbażi tal-Artikolu 121 tar-Regoli tal-Proċedura.
2.
It-tieni aggravju, ibbażat fuq il-ksur tal-prinċipju ta’ interpretazzjoni tad-dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni Ewropea billi jittieħdu inkunsiderazzjoni l-kuntest tagħhom u l-obbligu ta’ motivazzjoni, sa fejn it-TSP, fil-punti 64 sa 70 tad-digriet tiegħu, interpreta l-Artikolu 56 tar-Regolamenti tal-Persunal tal-Unjoni Ewropea mingħajr ma ħa inkunsiderazzjoni la l-Artikolu 55 tagħhom u lanqas id-deċiżjonijiet adottati mill-KtR fuq din il-bażi, u ma wiġibx għall-argumenti li l-appellant ġibed minn dawn id-dispożizzjonijiet, kif ukoll fuq żbalji ta’ liġi, sa fejn b’hekk huwa interpreta ħażin il-portata u l-għan tal-Artikoli 55 u 56 tar-Regolamenti tal-Persunal u tal-Artikolu 3 tal-Anness VI tagħhom, kif ukoll tal-Artikoli 2 u 4 tad-Deċiżjoni Nru 048/03 dwar il-modalitajiet ta’ għoti ta’ allowances b’rata fissa għas-sahra maħduma minn ċerti uffiċjali tal-kategoriji C u D li huma obbligati jaħdmu bis-sahra fuq bażi regolari (iktar ‘’il quddiem id-“Deċiżjoni Nru 48/03”).
3.
It-tielet aggravju, ibbażat fuq il-ksur tal-prinċipji ta’ interpretazzjoni tad-dispożizzjonijiet tar-Regolamenti tal-Persunal skont il-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea u tal-Artikolu 31 tal-Karta skont id-Deċiżjoni Nru 48/03, kif ukoll tal-obbligu ta’ motivazzjoni tas-sentenzi u tar-rekwiżit li atti proċedurali għandhom jiġu interpretati skont il-kliem tagħhom, sa fejn t-TSP, fil-punti 71 sa 74 tad-digiret tiegħu, ma ħax inkunsiderazzjoni l-Artikolu 6 tad-Deċiżjoni Nru 48/03 għall-finijiet tal-interpretazzjoni tal-Artikolu 31(2) tal-Karta, ma wiġibx b’mod suffiċjenti fid-dritt għall-argumentazzjoni li l-appellant ġibed minn dawn id-dispożizzjonijiet u interpreta ħażin is-suġġett u l-kawżali tar-rikors tiegħu.
4.
Ir-raba’ aggravju, ibbażat fuq il-ksur tar-rekwiżit li atti proċedurali għandhom jiġu interpretati skont il-kliem tagħhom u tal-prinċipju ta’ evalwazzjoni tar-rikors skont l-elementi eżistenti fi żmien l-adozzjoni tal-att ikkontestat, sa fejn it-TSP qies, fil-punt 77 tad-digriet tiegħu, li l-appellant kien qed jibbaża l-argumentazzjoni tiegħu, mibnija fuq il-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament, fuq il-konsegwenzi tad-deċiżjoni kontenzjuża u f’kull każ huwa ċaħad tali argumentazzjoni fuq il-bażi ta’ dawn il-konsegwenzi, kif ukoll fuq il-ksur tal-obbligu ta’ motivazzjoni, tal-prinċipju ta’ interpretazzjoni tad-dispożizzjonijiet tar-Regolamenti tal-Persunal skont il-prinċipju ta’ ugwaljanza u ta’ dan l-aħħar prinċipju, sa fejn it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku ma wiġibx, fil-punt 77 kif ukoll fil-punti 78 sa 80 tad-digriet tiegħu, b’mod suffiċjenti fid-dritt għall-argumentazzjoni tiegħu.
5.
Il-ħames aggravju, ibbażat, minn naħa, fuq il-ksur tar-rekwiżit li atti proċedurali għandhom jiġu interpretati skont il-kliem tagħhom u tal-Artikolu 50(1)(e) tar-Regoli tal-Proċedura tat-TSP, sa fejn huwa qies, fil-punt 82 tad-digriet tiegħu, li l-eċċezzjoni ta’ illegalità mqajma mill-appellant ma kienet sostnuta minn ebda argumentazzjoni, kuntrarjament għal dak li huwa previst f’din id-dispożizzjoni, u kienet għalhekk inammissibbli u, min-naħa l-oħra, fuq l-illegalità li konsegwentement tirriżulta mill-punti 54 sa 57 tad-digriet appellat.
Full & Egal Universal Law Academy