15.2.2016
MT
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea
C 59/27
Appell ippreżentat fit-28 ta’ Novembru 2015 minn Peter Schönberger mis-sentenza mogħtija mit-Tribunal għas-Servizz Pubbliku fit-30 ta’ Settembru 2015 fil-Kawża F-14/12 RENV, Schönberger vs Il-Qorti tal-Awdituri
(Kawża T-688/15 P)
(2016/C 059/29)
Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż
Partijiet
Appellant: Peter Schönberger (Lussemburgu, il-Lussemburgu) (rappreżentant: O. Mader, avukat)
Parti oħra fil-proċedura: Il-Qorti tal-Awdituri tal-Unjoni Ewropea
Talbiet
—
tannulla d-deċiżjoni kkontestata;
—
tilqa’ t-talbiet magħmula fl-ewwel istanza.
Aggravji u argumenti prinċipali
Permezz ta’ dan l-appell, l-appellant jitlob l-annullament tad-digriet tat-30 ta’ Settembru 2015, Schönberger vs Rechnungshof (F-14/12 RENV, ĠabraSP, EU:F:2015:112).
Insostenn tal-appell tieħu, l-appellant jinvoka seba’ aggravji.
1.
L-ewwel aggravju bbażat fuq applikazzjoni żbaljata tal-Artikolu 81 tar-Regoli tal-Proċedura tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku.
—
L-appellant isostni li fid-deċiżjoni kkontestata t-Tribunal għas-Servizz Pubbliku applika b’mod żbaljat l-Artikolu 81 tar-Regoli tal-Proċedura tiegħu, u b’dan il-mod kiser id-dritt tal-appellant għal smigħ u għal smigħ xieraq.
2.
It-tieni aggravju bbażat fuq sostituzzjoni tal-motivazzjoni permezz tat-teħid inkunsiderazzjoni ta’ argumenti ppreżentati b’mod tardiv.
—
Skont l-appellant, it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku wettaq żball ta’ liġi meta ssostitwixxa l-motivazzjoni sa fejn ibbaża ruħu fuq argumenti ppreżentati mill-konvenut b’mod tardiv.
3.
It-tielet aggravju bbażat fuq żnaturament tal-fatti.
—
Skont l-appellant, it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku żnatura l-pożizzjoni tal-Qorti tal-Awdituri sa fejn sostna, fid-deċiżjoni kkontestata, li hija ddikjarat li evalwazzjoni tal-merti tal-appellant meta mqabbla ma’ dawk tal-uffiċjali l-oħra li jistgħu jiġu promossi ma kinitx twassal għall-promozzjoni tal-appellant minkejja li l-Qorti tal-Awdituri sempliċement iddikjarat li l-appellant ma kienx jiġi promoss awtomatikament jekk kien ikun hemm iktar pożizzjonijiet vakanti.
4.
Ir-raba’ aggravju bbażat fuq applikazzjoni żbaljata ta’ kriterju ta’ promozzjoni
—
L-appellant, barra minn hekk, isostni li għall-evalwazzjoni tal-merti tiegħu, it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku applika b’mod illeġittimu kriterju ta’ promozzjoni li jmur lil hinn mill-kriterji tal-Qorti tal-Awdituri u li huwa inutilment riġidu, sa fejn tintalab il-prova li l-appellant kien, fost il-53 uffiċjal li seta’ jiġi promoss, dak bl-ogħla merti.
5.
Il-ħames aggravju bbażat fuq evalwazzjoni komparattiva mwettqa b’mod żbaljat tal-grad ta’ responsabbiltà assunt
—
L-appellant jilmenta wkoll li l-evalwazzjoni komparattiva tal-grad ta’ responsabbiltà assunt twettqet mit-Tribunal għas-Servizz Pubbliku mhux fuq bażi fattwali u billi ġiet preżunta, b’mod żbaljat, prijorità awtomatika tal-kapijiet ta’ diviżjoni.
6.
Is-sitt aggravju bbażat fuq evalwazzjoni żbaljata tal-perċentwali ta’ promozzjoni applikabbli.
—
F’dan ir-rigward, l-appellant isostni li l-kwistjoni tal-perċentwali ta’ promozzjoni applikabbli taffettwa l-mertu tat-tilwima. Għaldaqstant ma kellhiex tiġi ttrattata fl-ambitu tal-eżami tal-ammissibbiltà.
7.
Is-seba’ aggravju bbażat fuq applikazzjoni żbaljata tal-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament.
—
Fl-aħħar nett, l-appellant isostni li t-Tribunal għas-Servizz Pubbliku applika b’mod żbaljat, u mhux b’mod konformi mal-ġurisprudenza stabbilita, il-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament, sa fejn ma rrikonoxxiex li tali prinċipju jinkiser meta l-istituzzjonijiet imorru lil hinn mill-marġni ta’ diskrezzjoni tagħhom u jadottaw miżuri, b’distinzjonijiet arbitrarji, li jmorru kontra d-dispożizzjonijiet tar-Regolamenti tal-Persunal.
Full & Egal Universal Law Academy