22.2.2016
MT
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea
C 68/30
Rikors ippreżentat fit-28 ta’ Novembru 2015 – Micula et vs Il-Kummissjoni
(Kawża T-704/15)
(2016/C 068/40)
Lingwa tal-kawża: l-Ingliż
Partijiet
Rikorrenti: Viorel Micula (Oradea, ir-Rumanija), European Drinks SA (Ștei, ir-Rumanija), Rieni Drinks SA (Rieni, ir-Rumanija), Transilvania General Import-Export SRL (Oradea), West Leasing International SRL (Pantasesti, ir-Rumanija) (rappreżentanti: J. Derenne, A. Dashwood, D. Vallindas, lawyers
Konvenuta: Il-Kummissjoni Ewropea
Talbiet
Ir-rikorrenti jitolbu li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:
—
tannulla d-Deċiżjoni tal-Kummissjoni (UE) 2015/1470, tat-30 ta’ Marzu 2015, dwar l-għajnuna mill-Istat SA.38517 (2014/C) (ex 2014/NN) et seq implimentata mir-Rumanija – Deċiżjoni ta’ Arbitraġġ Micula vs ir-Rumanija tal-11 ta’ Diċembru 2013 (notifikata bid-dokument C(2015) 2112) (ĠU 2015 L 232, p. 43);
—
sussidjarjament, tannulla d-deċiżjoni kkontestata sa fejn
i.
tidentifika lil Viorel Micula bħala “impriża”, u għaldaqstant li tagħmel parti mill-allegata unità ekonomika unika li tikkostitwixxi l-benefiċjarju tal-għajnuna,
ii.
tidentifika lill-benefiċjarju tal-għajnuna bħala unità ekonomika unika li tinkludi lil Viorel Micula, Ioan Micula, S.C. European Food SA, S.C. Starmill S.R.L., S.C. Multipack, European Drinks SA, Rieni Drinks SA, Scandic Distilleries SA, Transilvania General Import-Export SRL, u
iii.
tordna, fl-Artikolu 2(2), li Viorel Micula, Ioan Micula, S.C. European Food SA, S.C. Starmill S.R.L., S.C. Multipack, European Drinks SA, Rieni Drinks SA, Scandic Distilleries SA, Transilvania General Import-Export SRL, u West Leasing SRL huma responsabbli in solidum għar-rimbors tal-għajnuna mill-Istat riċevuta minn kwalunkwe waħda minnhom;
—
tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż.
Motivi u argumenti prinċipali
Insostenn tar-rikors tagħhom, ir-rikorrenti jinvokaw tmien motivi.
1.
L-ewwel motiv huwa bbażat fuq nuqqas ta’ kompetenza u fuq użu ħażin ta’ poter. Permezz tal-klassifikazzjoni żbaljata tal-eżekuzzjoni tad-deċiżjoni ta’ arbitraġġ tal-ICSID (iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni ta’ arbitraġġ”) bħala l-għoti ta’ għajnuna mill-Istat fis-sens tal-Artikolu 107(1) TFUE, il-Kummissjoni teżerċita poter, li hija għandha fir-rigward tal-għajnuna mill-Istat mogħtija mir-Rumanija wara l-adeżjoni ta’ dan il-pajjiż mal-UE, b’mod retroattiv għall-perijodu ta’ qabel l-adeżjoni. Il-Kummissjoni manifestament ma għandhiex kompetenza sabiex teżerċita b’dan il-mod il-poteri tagħha fil-qasam tal-għajnuna mill-Istat. L-adozzjoni ta’ deċiżjoni għal dan il-għan u li għandha dan l-effett issaħħaħ dan l-użu ħażin ta’ poter.
2.
It-tieni motiv huwa bbażat fuq allegat ksur tal-Artikolu 107(1) TFEU
—
L-ewwel nett, id-deċiżjoni ma turix l-eżistenza ta’ vantaġġ ekonomiku peress li hija tidentifika l-eżekuzzjoni/implementazzjoni tad-deċiżjonita’ arbitraġġ bħala l-għajnuna inkompatbbli. Din il-kawża tissodisfa l-kundizzjonijiet imsemmija fil-kawża Asteris (sentenza tas-27 ta’ Settembru 1988, Asteris et, 106/87 sa 120/87). Kwalunkwe vantaġġe (quod non) huwa preċedenti għall-adeżjoni tar-Rumanija mal-UE u għaldaqstant ma taqgħax fl-ambitu tar-regoli tal-UE dwar l-għajnuna mill-Istat. It-tieni nett, id-deċiżjoni ma turix l-eżistenza ta’ selettività. It-trattat bilaterali ta’ investiment konkluż bejn ir-Rumanija u l-Isvezja (“BIT” – il-bażi legali tad-deċiżjoni ta’ arbitraġġ) jistabbilixxi sistema ta’ responsabbiltà ġenerali li tapplika b’mod uniformi lil kull investitur. It-tielet nett, id-deċiżjoni ma turix li l-miżura inkwistjoni hija imputabbli lill-Istat Rumen. Ir-Rumanija ma għandha ebda setgħa diskrezzjonali fl-eżekuzzjoni tad-deċiżjoni ta’ arbitraġġ.
3.
It-tielet motiv huwa bbażat fuq ksur tal-Artikolu 351 TFUE u ta’ prinċipji ġenerali tad-dritt. L-Artikolu 351 TFUE jipproteġi l-obbligi tar-Rumanija bbażati fuq l-eżekuzzjoni tal-BIT mal-Isvezja, meta kien għadu ftehim konkluż bejn Stat Membru (l-Isvezja) u pajjiż terz (ir-Rumanija), kontra kull effett ta’ wara l-adeżjoni tar-regoli tal-UE dwar l-għajnuna mill-Istat.
4.
Ir-raba’ motiv ibbażat fuq allegat ksur tal-prinċipju ta’ protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi. L-awtoritajiet tal-UE inkoraġġixxu b’mod attiv il-konklużjoni tal-BIT u, konsegwentement, stabbilixxew aspettattivi leġittimi fil-fatt li sforz sabiex jiġi inforzat tali BIT permezz ta’ arbitraġġ ma jkunx ostakolat, b’mod partikolari mir-regoli tal-għajnuna mill-Istat.
5.
Il-ħames motiv ibbażat, sussidjarjament, fuq il-fatt li l-għajnuna kien messa tqieset li hija għajnuna kompatibbli. Il-miżura nazzjonali inkwistjoni, li kienet l-oriġini tal-arbitraġġ u tad-deċiżjoni ta’ arbitraġġ qatt ma kienet meqjusa b’mod definittiv li hija inkompatibbli. Fi kwalunkwe każ, hija kienet tkun kompatibbli mar-regoli tal-UE dwar l-għajnuna mill-Istat.
6.
Is-sitt motiv huwa bbażat, sussidjarjament, fuq il-fatt li d-deċiżjoni tiddetermina b’mod żbaljat lill-benefiċjarji tal-allegata għajnuna. Id-deċiżjoni la turi li Viorel u Ioan Micula jagħmlu parti mill-allegata unità ekonomika unika, u lanqas li hemm unità ekonomika unika f’dan il-każ.
7.
Is-seba’ motiv ibbażat fuq allegat żball fl-irkupru ordnat mid-deċiżjoni. Peress li d-deċiżjoni tiddetermina b’mod żbaljat lill-benefiċjarji tal-għajnuna illegali, hija tordna l-irkupru minn individwi u kumpanniji li ma humiex il-benefiċjarji tal-allegata għajnuna.
8.
It-tmien motiv huwa bbażat fuq ksur ta’ forom proċedurali sostanzjali (dritt għal smigħ). Id-deċiżjoni ta’ ftuħ ta’ proċedura ta’ investigazzjoni formali fl-ebda punt ma semmiet lir-rikorrenti European Drinks, Rieni Drinks, West Leasing and Transilvania General Import-Export.
Full & Egal Universal Law Academy