15.2.2016
MT
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea
C 59/38
Rikors ippreżentat fl-4 ta’ Diċembru 2015 – Interessengemeinschaft privater Milchverarbeiter Bayerns vs Il-Kummissjoni
(Kawża T-722/15)
(2016/C 059/45)
Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż
Partijiet
Rikorrenti: Interessengemeinschaft privater Milchverarbeiter Bayerns e. V. (Mertingen, il-Ġermanija) (rappreżentanti: C. Bittner u N. Thies, avukati)
Konvenuta: Il-Kummissjoni Ewropea
Talbiet
—
tannulla d-deċiżjoni kkontestata sa fejn:
—
iddeċidiet fl-Artikolu 1 li l-Ġermanja, bi ksur tal-Artikolu 108(3) TFUE, għat-testijiet tal-kwalità tal-ħalib li saru fil-Bayern, tat għajnuna favur impriżi fil-qasam tal-ħalib ikkonċernati fil-Bayern u li din l-għajnuna hija inkompatibbli mas-suq intern mill-1 ta’ Jannar 2007;
—
ordnat fl-Artikoli 2 sa 4 l-irkupru mingħand il-benefiċjarji ta’ din l-għajnuna bl-interessi;
—
tikkundanna lill-konvenuta għall-ispejjeż.
Motivi u argumenti prinċipali
B’dan ir-rikors, ir-rikorrenti titlob l-annullament parzjali tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni (UE) 2015/2432, tat-18 ta’ Settembru 2015, dwar l-għajnuna mill-Istat SA.35484 (2013/C) (ex SA.35484 (2012/NN)) mogħtija mill-Ġermanja għal testijiet tal-kwalità tal-ħalib skont il-Liġi dwar il-Ħalib u x-Xaħam (notifikata bid-dokument C(2015) 6295).
Insostenn tar-rikors, ir-rikorrenti tinvoka sitt motivi.
1.
L-ewwel motiv ibbażat fuq ksur tal-Artikolu 108(2) TFUE flimkien mal-ewwel sentenza tal-Artikolu 20(1) tar-Regolament (KE) Nru 659/1999 (1)
—
Ir-rikorrenti ssostni li d-deċiżjoni kkontestata hija bbażata fuq punti ta’ fatt u ta’ liġi li ma kinux koperti mid-deċiżjoni ta’ ftuħ.
2.
It-tieni motiv ibbażat fuq ksur tal-Artikolu 107(1) TFUE sa fejn ir-riżorsi li jirriżultaw mit-taxxa ġew ikklassifikati bħala riżorsi tal-Istat
—
Skont ir-rikorrenti, ir-riżorsi li jirriżultaw mit-taxxa ma għandhomx jiġu kklassifikati bħala tal-Istat minħabba li ma humiex dejjem taħt il-kontroll tal-Istat u disponibbli għall-awtoritajiet nazzjonali. L-awtoritajiet nazzjonali sempliċement jibagħtu l-pagamenti tal-imħaleb lill-Milchprüfring inkarigat mit-twettiq tat-testijiet tal-kwalità tal-ħalib.
3.
It-tielet motiv ibbażat fuq ksur tal-Artikolu 107(1) TFUE sa fejn il-finanzjament tat-testijiet tal-kwalità tal-ħalib huwa kklassifikat bħala għajnuna għall-imħaleb tal-Bayern
—
F’dan ir-rigward, huwa spjegat li l-ispiża ta’ testijiet tal-kwalità tal-ħalib ma tikkostitwixxix piżijiet li normalment għandhom jitħallsu mill-imħaleb tal-Bayern. It-testijiet kienu twettqu fl-interess pubbliku. Barra minn hekk, l-allegati benefiċċji mogħtija lill-imħaleb kienu ġew ikkumpensati mill-piżijiet fil-forma tal-ħlas obbligatorju tat-taxxa.
4.
Ir-raba’ motiv (sussidjarjament) ibbażat fuq ksur tal-Artikolu 107(3) TFUE
—
Ir-rikorrenti ssostni li, fil-perijodu mill-2000 sal-2006, il-konvenuta qieset li r-riżorsi kontenzjużi kienu kompatibbli mas-suq intern. Minn dakinhar, ir-riżorsi kontenzjużi ma nbidlux. Dawn iċ-ċirkustanzi jimmilitaw fis-sens li s-setgħa diskrezzjonali tal-konvenut kienet tnaqqset fis-sens li hija kellha tqis ir-riżorsi mogħtija mill-1 ta’ Jannar 2007 bħala kompatibbli mas-suq intern.
5.
Il-ħames motiv (sussidjarjament) ibbażat fuq ksur tal-Artikolu 108(1) u (3) TFUE sa fejn il-finanzjament tat-testijiet tal-kwalità tal-ħalib huwa kklasisfikat bħala għajnuna ġdida u għalhekk suġġett għall-obbligu ta’ notifika.
6.
Is-sitt motiv (sussidjarjament) ibbażat fuq ksur tal-prinċipju ta’ protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi
—
fl-aħħar nett, ir-rikorrenti ssostni li l-Kummissjoni kkonstatat fir-rigward tal-perijodu mill-2000 sal-2006 li l-finanzjament tat-testijiet tal-kwalità tal-ħalib kien kompatibbli mas-suq intern. Barra minn hekk, hija xorta waħda fi Frar 2012 iddeskriviet il-finanzjament tat-testijiet ta’ kwalità tal-ħalib bħala għajnuna eżistenti. B’hekk hija ħolqot aspettattivi leġittimi sa fejn ebda irkupru tal-għajnuna allegata ma ġie ordnat.
(1) Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 659/1999, tat-22 ta’ Marzu 1999, li jistabbilixxi regoli dettaljati għall-applikazzjoni tal-Artikolu 93 tat-Trattat tal-KE (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 8, Vol. 1, p. 339).
Full & Egal Universal Law Academy