22.2.2016
MT
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea
C 68/33
Rikors ippreżentat fil-11 ta’ Diċembru 2015 – Chemutra Netherlands vs EFSA
(Kawża T-725/15)
(2016/C 068/43)
Lingwa tal-kawża: l-Ingliż
Partijiet
Rikorrenti: Chemtura Netherlands (Amsterdam, il-Pajjiżi l-Baxxi) (rappreżentanti: C. Mereu u K. Van Maldegem, avukati)
Konvenuta: Awtorità Ewropea għas-Sigurtà tal-Ikel
Talbiet
—
tilqa’ r-rikors tagħha bħala ammissibbli u fondat;
—
tannulla d-deċiżjoni tal-Awtorità Ewropea għas-Sigurtà tal-Ikel (iktar ’il quddiem l-“EFSA”), tal-10 ta’ Diċembru 2015, dwar il-pubblikazzjoni ta’ ċerti partijiet tal-Konklużjoni tal-EFSA dwar ir-reviżjoni inter partes fuq ir-reviżjoni tal-approvazzjoni tas-sustanza attiva diflubenzuron rigward il-metabolit PCA li fir-rigward tagħha r-rikorrenti talbet kunfidenzjalità skont ir-Regolament (KE) Nru 1107/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal-21 ta’ Ottubru 2009, dwar it-tqegħid fis-suq ta’ prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti u li jħassar id-Direttivi tal-Kunsill 79/117/KEE u 91/414/KEE (ĠU 2009 L 309, p. 1);
—
tikkundanna lill-konvenuta għall-ispejjeż tal-proċeduri.
Motivi u argumenti prinċipali
Insostenn tar-rikors tagħha, ir-rikorrenti tinvoka ħames motivi.
1.
L-ewwel motiv ibbażat fuq ksur tar-Regolament Nru 1107/2009 u tad-dritt fundamentali għal protezzjoni tas-sigriet tan-negozju.
—
Ir-rikorrenti tqajjem dubji dwar il-bażi legali li permezz tiegħu l-konvenuta kkonkludiet li hija kellha obbligu li tippubblika l-konklużjonijiet tagħha. Anki jekk il-pubblikazzjoni tal-konklużjonijiet tal-EFSA meħuda abbażi tal-Artikolu 21 tar-Regolament Nru 1107/2009 kienet leġittima, il-konvenuta kisret l-Artikolu 63 tar-Regolament Nru 1107/2009 billi ppubblikat informazzjoni kunfidenzjali.
2.
It-tieni motiv ibbażat fuq żball manifest ta’ evalwazzjoni
—
Ir-rikorrenti ssostni li l-konvenuta bbażat id-deċiżjoni tagħha dwar fehim mhux preċiż tal-fatti u tax-xjenza relatata, li wassal għal żball manifest ta’ evalwazzjoni tat-talbiet għal kunfidenzjalità tagħhom.
3.
It-tielet motiv ibbażat fuq ksur tal-prinċipji fundamentali tad-dritt tal-UE: id-drittijiet tad-difiża u l-prinċipju ta’ amministrazzjoni tajba
—
Ir-rikorrenti ma ngħatatx l-opportunità li tagħmel osservazzjonijiet dwar dokumenti li l-konklużjonijiet tal-EFSA kienu bbażati fuqhom.
4.
Ir-raba’ motiv ibbażat fuq ksur tad-dmirijiet stess tal-EFSA
—
Il-konvenuta ma bbażatx l-evalwazzjoni tagħha fuq il-provi xjentifiċi disponibbli kollha, filwaqt li kellha obbligu li tipproduċi xogħol tal-ogħla kwalità xjentifika.
5.
Il-ħames motiv ibbażat fuq ksur tal-aspettattivi leġittimi
—
Ir-rikorrenti tinsab f’diskussjonijiet mal-Kummissjoni u korrispondenza mill-Kummissjoni tirrifletti li r-rikorrenti ser tingħata possibbiltà li tagħmel osservazzjonijiet dwar il-konklużjonijiet tal-EFSA bħala parti mill-proċess ta’ reviżjoni tal-Kummissjoni. Il-kummenti tar-rikorrenti għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni qabel il-pubblikazzjoni tal-konklużjoni tal-EFSA.
Full & Egal Universal Law Academy