22.2.2016
MT
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea
C 68/35
Rikors ippreżentat fis-16 ta’ Diċembru 2015 – Ir-Repubblika Portugiża vs Il-Kummissjoni
(Kawża T-733/15)
(2016/C 068/45)
Lingwa tal-kawża: il-Portugiż
Partijiet
Rikorrenti: Ir-Repubblika Portugiża (rappreżentanti: L. Inez Fernandes u M. Figueiredo, aġenti, assistiti minn L. Silva Morais, avukat)
Konvenuta: Il-Kummissjoni Ewropea
Talbiet
—
tannulla d-Deċiżjoni tal-Kummissjoni nnotifikata mis-Segretarju Ġenerali tal-Kummissjoni fl-ittra SG-Greffe (2015) D/11533, tat-12 ta’ Ottubru 2015 (1).
—
tikkundanna lill-Kummissjoni Ewropea għall-ispejjeż.
Motivi u argumenti prinċipali
Ir-Repubblika Portugiża ssostni li t-talba għal ħlas trażmessa mis-Segretarju Ġenerali tal-Kummissjoni Ewropea fl-ittra SG-Greffe (2015) D/11533, tat-12 ta’ Ottubru 2015, hija vvizzjata kif ġej u, konsegwentement, għandha tiġi annullata:
1.
Il-ġustifikazzjoni għall-adozzjoni tal-att ikkontestat tibbaża ruħha fuq tneħħija tas-setgħat tal-isfera ġudizzjarja tal-Unjoni Ewropea mill-Kummissjoni, liema fatt jikkostitwixxi vizzju ta’ inkompetenza.
2.
L-att huwa bbażat fuq tqassim artifiċjali tal-effetti tas-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja mogħtija fil-Kawża Il-Kummissjoni vs Il-Portugall (C-76/13, EU:C:2014:2029) fejn għaldaqstant huwa vvizzjat bi ksur tat-Trattati jew ta’ kwalunkwe regola ġuridika oħra relatata mal-applikazzjoni tiegħu.
3.
L-att tal-Kummissjoni suġġett ta’ dan ir-rikors għal annullament imur kontra l-awtorità ta’ res judicata, fejn, għal darb’oħra, huwa vvizzjat bi ksur tat-Trattati jew ta’ kwalunkwe regola ġuridika oħra relatata mal-applikazzjoni tiegħu.
4.
L-att huwa vvizzjat bl-istess illegalità billi ma josservax il-prinċipji ta’ ċertezza legali, ta’ stabilità tar-relazzjonijiet ġuridiċi u ta’ aspettattivi leġittimi, irrikonoxxuti mid-dritt tal-Unjoni.
5.
L-att imur kontra l-prinċipju ta’ projbizzjoni tas-sanzjoni doppja li jipprekludi l-kisba, permezz ta’ att ġuridiku individwali ġdid, ta’ dak li ma nkisibx preċedentement permezz tad-deċiżjoni ġudizzjarja, liema fatt jirriżulta fi ksur tat-Trattati jew ta’ kwalunkwe regola ġuridika oħra relatata mal-applikazzjoni tiegħu.
(1) Deċiżjoni tad-Direttur Ġenerali tan-Netwerks ta’ Komunikazzjonijiet, tal-Kontenut u tat-Teknoloġiji (DG CONNECT) li tirrikjedi lir-Repubblika Portugiża l-ħlas tal-ammont ta’ EUR 580 000 bħala pagament ta’ penalità għall-perijodu inkluż bejn il-25 ta’ Ġunju u l-21 ta’ Awwissu 2014 deċiża mill-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza Il-Kummissjoni vs Il-Portugall (C-76/13, EU:C:2014:2029).
Full & Egal Universal Law Academy