15.2.2016
MT
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea
C 59/42
Rikors ippreżentat fit-18 ta’ Diċembru 2015 – Hydro aluminium Rolled Products vs Il-Kummissjoni
(Kawża T-737/15)
(2016/C 059/49)
Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż
Partijiet
Rikorrenti: Hydro Aluminium Rolled Products GmbH (Grevenbroich, il-Ġermanja) (rappreżentanti: U. Karpenstein u K. Dingemann, avukati)
Konvenuta: Il-Kummissjoni Ewropea
Talbiet
—
tannulla, skont l-Artikolu 264 TFUE, id-deċiżjoni tal-Kummissjoni tal-25 ta’ Novembru 2014 fil-proċedura Għajnuna mill-Istat SA.33995 (2013/C) (ex 2013/NN) – Il-Ġermanja, Sostenn għal elettriku rinnovabbli u soprataxxa-EEG imnaqqsa għal utenti intensivi tal-enerġija, C (2014) 8786 finali;
—
tikkundanna lill-konvenuta għall-ispejjeż.
Motivi u argumenti prinċipali
Insostenn tar-rikors tagħha, ir-rikorrenti tinvoka tliet motivi.
1.
L-ewwel motiv: assenza ta’ riżorsi tal-Istat
—
Ir-rikorrenti ssostni li l-konvenuta qieset b’mod żbaljat li l-eċċezzjoni favur impriżi li jagħmlu użu intensiv mill-enerġija prevista mil-liġi EEG tal-2012 kienet timplika l-użu ta’ “riżorsi tal-Istat” fis-sens tal-Artikolu 107(1) TFUE. Fil-fatt, is-soprataxxa-EEG titħallas biss minn persuni privati u, barra minn hekk, ir-riżorsi miġbura ma humiex imputabbli lill-Istat minħabba l-assenza ta’ kontroll permanenti u l-impossibbiltà ta’ aċċess effettiv għall-awtoritajiet li tirriżulta minnha.
2.
It-tieni motiv: assenza ta’ selettività
—
Ir-rikorrenti ssostni li r-regola ta’ kumpens speċjali ma hijiex selettiva – kif meħtieġ mill-Artikolu 107(1) TFUE –, iżda tikkostitwixxi eċċezzjoni inerenti għas-sistema regolamentari tal-liġi EEG.
3.
It-tielet motiv: ksur tal-prinċipju ta’ protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi
—
Ir-rikorrenti tosserva li l-konvenuta tat lok, fil-konfront tar-rikorrenti, għal aspettattivi leġittimi, għaliex hija ma eżaminatx, fid-dawl tad-dritt dwar l-għajnuna, il-liġi EEG – li kienet taf biha – għal iktar minn għaxar snin. Barra minn hekk, il-konvenuta naqset milli tordna l-irkupru ta’ għajnuna komparabbli fi Stati Membri oħra.
Full & Egal Universal Law Academy