15.2.2016
MT
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea
C 59/43
Rikors ippreżentat fit-18 ta’ Diċembru 2015 – Aurubis et vs Il-Kummissjoni
(Kawża T-738/15)
(2016/C 059/50)
Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż
Partijiet
Rikorrenti: Aurubis AG (Hamburg, il-Ġermanja), Aurubis Stolberg GmbH & Co. KG (Stolberg, il-Ġermanja), Covestro Deutschland AG (Leverkusen, il-Ġermanja), Dow Olefinverbund GmbH (Schkopau, il-Ġermanja), Rheinkalk GmbH (Wülfrath, il-Ġermanja), Siltronic AG (München, Deutschland), Vestolit GmbH (Marl, il-Ġermanja) u Wacker Chemie AG (München) (rappreżentanti: C. Arhold u N. Wimmer, avukati)
Konvenuta: Il-Kummissjoni Ewropea
Talbiet
—
tannulla l-Artikolu 3(1) tad-deċiżjoni inkwistjoni
—
sa fejn il-Kummissjoni tikkonstata li t-tnaqqis mis-soprataxxa intiża sabiex tiffinanzja l-appoġġ għall-elettriku minn sorsi rinnovabbli (is-soprataxxa EEG) matul is-snin 2013 u 2014 favur utenti li jagħmlu użu intensiv mill-enerġija (Besondere Ausgleichsregelung, il-“BesAR”) jikkostitwixxi għajnuna mill-Istat fis-sens tal-Artikolu 107(1) TFUE, u
—
sussidjarjament, sa fejn il-Kummissjoni tikkonstata li l-BesAR tikkostitwixxi għajnuna mill-Istat applikata illegalment bi ksur tal-Artikolu 108(3) TFUE;
—
tannulla l-Artikoli 6, 7 u 8 tad-deċiżjoni kkontestata sa fejn il-Kummissjoni tordna l-irkupru tal-għajnuna, u
—
tikkundanna lill-Kummissjoni tbati l-ispejjeż tar-rikorrenti.
Motivi u argumenti prinċipali
Permezz ta’ dan ir-rikors, ir-rikorrenti jitolbu l-annullament parzjali tad-Deċiżjoni (UE) 2015/1585 mogħtija mill-Kummissjoni fil-25 ta’ Novembru 2014 fil-proċedura Għajnuna mill-Istat SA.33995 (2013/C) (ex 2013/NN) – il-Ġermanja, Għajnuna għall-appoġġ tal-elettriku rinnovabbli u soprataxxa EEG imnaqqsa għall-utenti li jagħmlu użu intensiv mill-enerġija, C(2014) 8786 finali (1).
Insostenn tar-rikors, ir-rikorrenti jinvokaw erba’ motivi.
1.
L-ewwel motiv ibbażat fuq ksur tal-Artikolu 107(1) TFUE
—
Ir-rikorrenti jsostnu li l-BesAR ma hijiex għajnuna fis-sens tal-Artikolu 107(1) TFUE peress li ma hemmx trasferiment ta’ riżorsi tal-Istat. Barra minn hekk, din ma tagħti ebda vantaġġ ekonomiku selettiv lill-impriżi li jagħmlu użu intensiv mill-enerġija.
2.
It-tieni motiv ibbażat fuq ksur tal-Artikolu 108 TFUE
—
Il-Kummissjoni kisret l-Artikolu 108 TFUE meta ordnat l-irkupru (parzjali), peress li l-liġi EEG tal-2012 tista’ l-iktar tiġi kklassifkata bħala għajnuna eżistenti u mhux bħala għajnuna ġdida applikata illegalment.
3.
It-tielet motiv ibbażat fuq ksur tal-prinċipju ta’ protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi
—
Ir-rikorrenti jsostnu li l-irkupru tal-għajnuna allegatament mogħtija illegalment jikser l-aspettattivi leġittimi li r-rikorrenti kellhom fir-rigward tal-legalità tal-leġiżlazzjoni nazzjonali u li, b’mod partikolari, id-deċiżjoni tal-Kummissjoni dwar il-liġi EEG tal-2000 kienet ħolqot.
4.
Ir-raba’ motiv ibbażat fuq ksur tal-Artikolu 108(1) TFUE moqri flimkien mal-Artikolu 18 tar-Regoli tal-Proċedura
—
Ir-rikorrenti jikkritikaw lill-Kummissjoni, fil-kuntest tar-raba’ motiv, li ma pproponietx miżuri utli lir-Repubblika Federali tal-Ġermanja qabel ma nfetħet il-proċedura ta’ investigazzjoni formali.
(1) ĠU L 250, p. 122.
Full & Egal Universal Law Academy