15.2.2016
MT
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea
C 59/46
Rikors ippreżentat fit-22 ta’ Diċembru 2015 – Biofa vs Il-Kummissjoni
(Kawża T-746/15)
(2016/C 059/53)
Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż
Partijiet
Rikorrenti: Biofa AG (Münsingen, il-Ġermanja) (rappreżentanti: C. Stallberg u S. Knoblich, avukati)
Konvenuta: Il-Kummissjoni Ewropea
Talbiet
—
tannulla r-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2015/2069, tas-17 ta’ Novembru 2015, li japprova s-sustanza bażika idroġenu karbonat tas-sodju (ĠU L 301 tat-18 ta’ Novembru 2015, p. 42);
—
tikkundanna lill-konvenuta għall-ispejjeż.
Motivi u argumenti prinċipali
Insostenn tar-rikors, ir-rikorrenti tinvoka seba’ motivi.
1.
L-ewwel motiv ibbażat fuq ksur tal-protezzjoni tad-data
—
Id-data tar-rikorrenti dwar il-prodott tagħha għall-protezzjoni tal-pjanti VitiSan® tibbenefika mill-protezzjoni tad-data skont l-Artikolu 59 tar-Regolament (KE) Nru 1107/2009 (1). Konsegwentement l-użu ta’ din id-data għall-approvazzjoni tal-idroġenu karbonat tas-sodju bħala sustanza bażika jikser id-dritt għall-protezzjoni tad-data tar-rikorrenti.
2.
It-tieni motiv ibbażat fuq il-ksur tal-prinċipju tan-natura sussidjarja tal-proċedura ta’ approvazzjoni tas-sustanzi bażiċi
L-approvazzjoni tal-idroġenu karbonat tas-sodju bħala sustanza bażika tikser il-prinċipju ta’ sussidjarjetà tal-miżuri dwar il-protezzjoni tal-pjanti, peress li bil-prodott għall-protezzjoni tal-pjanti VitiSan® tar-rikorrenti, li jinkludi s-sustanza attiva idroġenu karbonat tal-potassju, huwa disponibbli prodott għall-protezzjoni tal-pjanti awtorizzat li jinkludi sustanza attiva paragunabbli.
3.
It-tielet motiv ibbażat fuq ksur tal-prinċipju ta’ prijorità matul il-proċedura ta’ approvazzjoni għal sustanzi bażiċi
Skont il-prinċipju ta’ prijorità, it-talba tar-rikorrenti għall-approvazzjoni tal-idroġenu karbonat tas-sodju bħala sustanza attiva tipprekudi l-approvazzjoni ta’ din is-sustanza bħala sustanza bażika.
4.
Ir-raba’ motiv ibbażat fuq ksur tad-dritt għall-proprjetà tar-rikorrenti
L-użu mhux awtorizzat tad-data tar-rikorrenti għall-approvazzjoni tal-idroġenu karbonat tas-sodju bħala sustanza bażika jikser id-dritt tagħha għall-proprjetà intellettwali skont l-Artikolu 17(2) tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (iktar ’il quddiem il-“Karta”).
5.
Il-ħames motiv ibbażat fuq ksur tal-prinċipju ta’ protezzjoni ta’ informazzjoni kummerċjali kunfidenzjali
L-użu mhux awtorizzat tad-data tar-rikorrenti għall-approvazzjoni tal-idroġenu karbonat tas-sodju bħala sustanza bażika jikser ukoll il-protezzjoni ta’ informazzjoni kummerċjali kunfidenzjali skont l-Artikolu 7 tal-Karta.
6.
Is-sitt motiv ibbażat fuq ksur tal-prinċipju ġenerali ta’ uwaljanza fit-trattament
L-użu mhux awtorizzat tad-data tar-rikorrenti għall-approvazzjoni tal-idroġenu karbonat tas-sodju bħala sustanza bażika jikser ukoll il-prinċipju ta’ uwaljanza fit-trattament. Filwaqt li r-rikorrenti kellha tagħmel investimenti kunsiderevoli sabiex tiġbor id-data neċessarja għal awtorizzazzjoni, din id-data ntużat mill-konvenuta favur terzi li ma kellhomx għalfejn jissodisfaw dawn ir-rekwiżiti.
7.
Is-seba’ motiv ibbażat fuq ksur tal-prinċipju ta’ protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi
Fl-aħħar nett, l-użu mhux awtorizzat tad-data tar-rikorrenti għall-approvazzjoni tal-idroġenu karbonat tas-sodju bħala sustanza bażika jikser il-prinċipju ta’ protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi. Ir-rikorrenti setgħet tistenna li data tagħha dwar il-prodott għall-protezzjoni tal-pjanti VitiSan® tintuża biss għall-osservanza tal-protezzjoni tad-data.
(1) Regolament (KE) Nru 1107/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal-21 ta’ Ottubru 2009, dwar it-tqegħid fis-suq ta’ prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti u li jħassar id-Direttivi tal-Kunsill 79/117/KEE u 91/414/KEE (ĠU L 309, p. 1).
Full & Egal Universal Law Academy