15.2.2016
MT
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea
C 59/47
Rikors ippreżentat fit-22 ta’ Diċembru 2015 – Mitteldeutsche Braunkohlengesellschaft et vs Il-Kummisjoni
(Kawża T-750/15)
(2016/C 059/54)
Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż
Partijiet
Rikorrenti: Mitteldeutsche Braunkohlengesellschaft mbH (Zeitz, il-Ġermanja), RWE Power AG (Essen, il-Ġermanja), Vattenfall Europe Mining AG (Cottbus, il-Ġermanja) (rappreżentanti: U. Karpenstein, K. Dingemann u M. Kottmann, avukati)
Konvenuta: Il-Kummissjoni Ewropea
Talbiet
—
tannulla d-Deċiżjoni tal-Kummissjoni Ewropea C(2014) 5081 finali, tat-23 ta’ Lulju 2014, fil-proċedura Għajnuna mill-Istat SA.38632 (2014/N) (ex 2013/NN) – il-Ġermanja – EEG 2014 – riforma tal-liġi dwar l-enerġija rinnovabbli, sa fejn hija tikklassifika bħala għajnuna mill-Istat l-iskema applikabbli għall-faċilitajiet eżistenti għall-awto-provvista, imsemmija fl-Artikolu 61(3) u (4) tal-Liġi EEG tal-2014, u sa fejn, fit-tieni inċiż tal-punt 5 (p. 75), hija tiddikjara li din l-iskema hija kompatibbli mas-suq intern biss sal-31 ta’ Diċembru 2017;
—
tikkundanna lill-konvenuta għall-ispejjeż.
Motivi u argumenti prinċipali
Insostenn tar-rikors tagħhom, ir-rikorrenti jinvokaw żewġ motivi.
1.
L-ewwel motiv: assenza ta’ vantaġġ selettiv lil ċerti impriżi
—
Permezz tal-ewwel motiv tagħhom, ir-rikorrenti jsostnu li d-deċiżjoni kkontestata tikklassifika b’mod żbaljat l-iskema applikabbli għall-faċilitajiet eżistenti għall-awto-provvista tal-elettriku [Artikolu 61(3) u (4) tal-Liġi EEG tal-2014] bħala miżura selettiva u għalhekk bħala għajnuna mill-istat.
2.
It-tieni motiv: assenza ta’ riżorsi tal-Istat
—
Permezz tat-tieni motiv tagħhom, ir-rikorrenti jsostnu li l-għajnuna favur l-enerġija rinnovabbli ffinanzjata mit-taxxa EEG ma tingħatax bl-użu ta’ riżorsi tal-Istat, iżda ta’ riżorsi privati. La l-ġbir u lanqas l-użu tat-taxxa EEG ma huma kostantament taħt il-kontroll pubbliku – kif tirrikjedi l-ġurisprudenza. Barra minn hekk, id-dispożizzjonijiet inkwistjoni ma humiex speċifikatament ta’ piż fuq il-baġits pubbliċi, peress li l-volum totali tat-taxxa EEG ma jitnaqqasx bl-eżenzjoni tal-awto-provvista magħmula permezz tal-faċilitajiet eżistenti.
Full & Egal Universal Law Academy