14.3.2016
MT
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea
C 98/49
Rikors ippreżentat fid-29 ta’ Diċembru 2015 – Quanta Storage vs Il-Kummissjoni
(Kawża T-772/15)
(2016/C 098/64)
Lingwa tal-kawża: l-Ingliż
Partijiet
Rikorrenti: Quanta Storage, Inc. (Taoyuan City, it-Tajwan) (rappreżentanti: B. Hartnett, Barrister, O. Geiss, avukat, u W. Sparks, Solicitor)
Konvenuta: Il-Kummissjoni Ewropea
Talbiet
—
tannulla d-deċiżjoni tal-Kummissjoni, tal-21 ta’ Ottubru 2015, dwar proċedura għall-applikazzjoni tal-Artikolu 101 TFUE u tal-Artikolu 53 tal-Ftehim dwar iż-Żona Enonomika Ewropea, mogħtija fil-Każ AT.39639 – apparat li jaqra d-diski ottiċi, sa fejn tikkonċerna lir-rikorrenti;
—
sussidjarjament, tnaqqas l-ammont tal-multa imposta fuq ir-rikorrenti; u
—
tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż.
Motivi u argumenti prinċipali
Insostenn tar-rikors tagħha, ir-rikorrenti tinvoka ħames motivi.
1.
L-ewwel motiv, ibbażat fuq l-allegazzjoni li l-Kummissjoni kisret id-drittijiet tad-difiża tar-rikorrenti, l-obbligu ta’ motivazzjoni u d-dritt għal amministrazzjoni tajba.
—
Id-deċiżjoni kkontestata hija bbażata fuq konstatazzjoni ta’ każijiet ta’ ksur li ma kinux ġew allegati fil-konfront tar-rikorrenti matul il-proċedura amministrattiva.
—
Id-deċiżjoni kkontestata hija bbażata fuq preżunzjonijiet dwar it-trasparenza fis-suq li l-Kummissjoni naqset milli tinvestiga fil-fond.
2.
It-tieni motiv, ibbażat fuq l-allegazzjoni li d-diskrepanza bejn id-dispożittiv tad-deċiżjoni kkontestata u r-raġunament tal-Kummissjoni dwar it-tul tal-ksur f’dak li jirrigwarda Hewlett Packard tirriżulta fi żball manifest ta’ liġi u tikser l-obbligu ta’ motivazzjoni.
3.
It-tielet motiv, ibbażat fuq l-allegazzjoni li l-Kummissjoni naqset milli tipprova u milli timmotiva b’mod adegwat l-fatt li r-rikorrenti pparteċipat fi ksur uniku u kontinwu.
—
Ir-rikorrenti ma pparteċipatx fil-ksur allegat bejn l-14 ta’ Frar 2008 u d-9 ta’ April 2008.
—
Ir-rikorrenti ma pparteċipatx fil-ksur allegat bejn l-10 ta’ April2008 u s-27 ta’ Ottubru 2008.
—
Ir-rikorrenti ma pparteċipat f’ebda ksur fit-28 ta’ Ottubru 2008.
—
Ma ġiex ipprovat b’mod suffiċjenti li r-rikorrenti kienet konxja mill-pjan globali tal-akkordju jew mill-portata ġenerali u mill-karatteristiċi essenzjali tiegħu.
—
Konsegwenzi legali tan-nuqqas tal-Kummissjoni li tipprova l-ksur allegat.
4.
Ir-raba’ motiv, ibbażat fuq l-allegazzjoni li l-Kummissjoni naqset milli tistabbilixxi suffiċjentement skont il-liġi li hija kellha ġurisdizzjoni sabiex tapplika l-Artikolu 101 TFUE u l-Artikolu 53 tal-Ftehim ŻEE.
5.
Il-ħames motiv, ibbażat fuq l-allegazzjoni li l-Kummissjoni wettqet żbalji manifesti ta’ fatt u ta’ liġi fil-kalkolu tal-ammont tal-multa u kisret l-obbligu ta’ motivazzjoni tagħha.
—
Il-Kummissjoni wettqet żbalji ta’ fatt u ta’ liġi meta kkalkolat l-ammont bażiku u ma mmotivatx id-deċiżjoni tagħha.
—
Il-Kummissjoni naqset milli tuża l-aħjar ċifri disponibbli dwar il-valur tal-bejgħ tar-rikorrenti.
—
Il-Kummissjoni kisret il-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament meta kkalkolat l-ammont bażiku.
—
Il-Kummissjoni wettqet żbalji ta’ evalwazzjoni meta kkunsidrat il-gravità u ċ-ċirkustanzi attenwanti.
Full & Egal Universal Law Academy