18.12.2017
MT
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea
C 437/6
Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (Il-Ħamis Awla) tas-26 ta’ Ottubru 2017 (talba għal deċiżjoni preliminari tar-Rechtbank van eerste aanleg te Antwerpen – il-Belġju) – Argenta Spaarbank NV vs Belgische Staat
(Kawża C-39/16) (1)
((Rinviju għal deċiżjoni preliminari - Taxxi fuq il-kumpanniji - Direttiva 90/435/KEE - Artikolu 1(2) u Artikolu 4(2) - Kumpanniji omm u kumpanniji sussidjarji ta’ Stati Membri differenti - Sistema komuni ta’ tassazzjoni - Tnaqqis fuq il-profitt intaxxat tal-kumpannija omm - Dispożizzjonijiet nazzjonali intiżi li jneħħu t-taxxa doppja mill-profitti mqassma mis-sussidjarji - Nuqqas ta’ teħid inkunsiderazzjoni tal-eżistenza ta’ rabta bejn l-interessi fuq is-self u l-finanzjament tal-parteċipazzjoni li tat lok għall-ħlas tad-dividendi))
(2017/C 437/08)
Lingwa tal-kawża: l–Olandiż
Qorti tar-rinviju
Rechtbank van eerste aanleg te Antwerpen
Partijiet fil-kawża prinċipali
Rikorrenti: Argenta Spaarbank NV
Konvenut: Belgische Staat
Dispożittiv
1)
L-Artikolu 4(2) tad-Direttiva tal-Kunsill 90/435/KEE, tat-23 ta’ Lulju 1990, dwar is-sistema komuni tat-tassazzjoni li tapplika fil-każ tal-kumpanniji prinċipali u sussidjarji ta’ Stati Membri differenti, għandu jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi dispożizzjoni nazzjonali, bħalma hija l-Artikolu 198(10) tal-code des impôts sur les revenus 1992 (kodiċi dwar it-taxxa fuq id-dħul tal-1992), ikkoordinat mid-Digriet Irjali tal-10 ta’ April 1992 u kkonfermat mil-liġi tat-12 ta’ Ġunju 1992, li tipprovdi li l-interessi mħallsa minn kumpannija omm fuq self ma humiex deduċibbli mill-profitt taxxabbli ta’ din il-kumpannija omm sa ammont ugwali għall-ammont tad-dividendi, li diġà bbenefikaw minn deduċibbiltà fiskali, li jinġabru minn parteċipazzjonijiet miżmuma mill-imsemmija kumpannija omm fil-kapital ta’ kumpanniji sussidjarji matul perijodu ta’ inqas minn sena, anki jekk dawn l-interessi ma humiex relatati mal-finanzjament ta’ dawn il-parteċipazzjonijiet.
2)
L-Artikolu 1(2) tad-Direttiva 90/435 għandu jiġi interpretat fis-sens li ma jawtorizzax lill-Istati Membri japplikaw dispożizzjoni nazzjonali bħalma hija l-Artikolu 198(10) tal-code des impôts sur les revenus 1992 (kodiċi dwar it-taxxa fuq id-dħul tal-1992), ikkoordinat mid-Digriet Irjali tal-10 ta’ April 1992 u kkonfermat mil-liġi tat-12 ta’ Ġunju 1992, sa fejn din tmur lil hinn minn dak li huwa neċessarju sabiex jiġu evitati l-frodi u l-abbużi.
(1) ĠU C 136, 18.4.2016.